F’konferenza stampa li seħħet nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu fil-Belt, Il-Partit Popolari kkundanna l-arroganza tal-Parlament li qed jinjora t-talba għal referendum dwar l-immigrazzjoni illegali minkejja li Petizzjoni Nru 14 ġiet iffirmata minn kwazi 48,000 elettur.

Il-Kap tal-Partit Popolari, is-Sur Paul Salomone qal li apparti li tul dawn l-aħħar snin, fil-Parlament, il-Gvern u l-Oppożizzjoni inħlew jitgħajjru bil-korruzzjoni ta’ xulxin filwaqt li kinsu diversi problemi taħt it-tapit, issa saħansitra waslu f’livell fejn qed jinjoraw id-dritt għal referendum.  Dan huwa insult lejn il-Kostituzzjoni, lejn il-Poplu Malti u Għawdxi u lejn dak kollu li għalih ċarċru demmhom missirijietna. Is-Sur Salomone saħaq li l-Partit Popolari jemmen bis-sħiħ fid-dritt tar-referendum u li dan huwa wieħed mill-pilastri li fuqu huwa mibni l-partit.

Il-kreatur tal-petizzjoni Is-Sur Joe Aquilina spjega kif il-Kumitat Parlamentari tal-Petizzjonijiet, permezz ta’ imejl, bagħat jgħarrfu li l-Ministeru tal-Intern qiegħed jieħu l-miżuri neċessarji u għaldaqstant l-istess kumitat iħoss illi l-petizzjoni hija eżawrita. Dan minkejja li li fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, speċifikament fl-Att dwar ir-Referenda hu stabbilit li meta petizzjoni tiġi ffirmata minn 10% jew aktar tal-persuni eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali, il-Parlament ikun obbligat li jsejjaħ referendum, aktar u aktar meta l-petizzjoni tkun saret bil-barka tal-istess Kumitat Parlamentari responsabbli mill-petizzjonijiet.

Huwa kompla jgħid li permezz tal-petizzjoni u l-aġir tal-Parlament fil-konfront tal-eluf li ffirmawha, ħareġ biċ-ċar li ż-żewġ partiti m’għandhomx għal qalbhom l-interess tal-Poplu Malti u Għawdxi iżda minflok huma servili lejn l-Unjoni Ewropea u l-ordnijiet li jiġu minn Brussell. Is-Sur Aquilina  kkonkluda billi qal li l-unika pass li fadal huwa li jkun hemm bidla fil-Parlament. Huwa saħaq li fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, l-għażla se tkun waħda bejn il-Partit, b’referenza għall-PN u PL jew inkella Malta.

Il-Kap tal-Partit, Paul Salomone għalaq billi sostna li l-Partit Popolari ġie maħluq biex ikun il-vuċi tal-poplu. Semma kif hemm numru mhux żgħir ta’ żgħażagħ Maltin kwalifikati li qed imorru jgħixu barra minn Malta kontra qalbhom għax m’humiex qed jaraw futur f’Malta u li għal Gvern dan qisu m’hu xejn.  Għal Partit Popolari dan m’huwiex aċċettabbli.

Agħfas hawn biex tara l-filmat

Follow by Email
Facebook
Twitter