Stqarrija 18-2022

04/11/2022

Il-Partit Popolari Jeliġġi d-Diriġenti Tiegħu għall-Ħames Snin li Ġejjin u Jwettaq Tibdil Importanti fl-Istatut Tiegħu

Illum, l-4 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Ġenerali tal-Partit Popolari, li hija l-ogħla organu tal-partit, ikkonfermat lis-Sur Paul Salomone bħala Kap tal-Partit Popolari, għażlet lis-Sur Clint Calleja bħala Deputat Kap tal-partit, ikkonfermat lis-Sur Karmenu Borg bħala President tal-Assemblea Ġenerali tal-partit u għażlet ukoll il-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Partit Popolari. Dawn il-karigi jidħlu fis-seħħ minn għada l-5 ta’ Novembru 2022 u huma validi għal perjodu ta’ ħames snin. Il-karigi ewlenin l-oħra tal-Partit Popolari, jiġifieri dak ta’ Segretarju Ġenerali u ta’ Teżorier se jimtlew f’elezzjoni li ssir mill-Kunsill il-ġdid tal-partit skont it-termini tal-istatut.

L-Assemblea ddeċidiet ukoll li tapprova tibdil fl-istatut tal-Partit Popolari maħsub biex il-proċeduri u l-istrutturi tiegħu jkunu aktar effiċjenti u effettivi. Fost it-tibdil, kien hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ taqsima ġdida fit-twemmin bażiku tal-partit, li tittratta d-dinjità tal-bniedem. Ġiet introdotta wkoll kodiċi tal-etika ġdida għall-membri u l-uffiċjali tal-Partit u ġie approvat ukoll logo ġdid għall-partit.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit, is-Sur Paul Salomone tkellem dwar il-kisbiet tal-partit matul l-ewwel sentejn tal-eżistenza tiegħu, fosthom il-bini ta’ tim kwalifikat u kapaċi, it-twaqqif ta’ strutturi sodi u effettivi, il-formulazzjoni ta’ programm sod u kredibbli li joffri viżjoni alternattiva ta’ kif jista’ jitmexxa l-pajjiż, il-kampanja elettorali b’saħħitha li wettaq il-partit u r-riżultat sodisfaċenti li kiseb u mhux l-anqas it-twaqqif ta’ fergħa taż-żgħażagħ li toffri tama għall-futur.

Follow by Email
Facebook
Twitter