Stqarrija 14-2023

11/08/2023

Il-Partit Popolari Jippreżenta Proposti dwar il-Qagħda tas-Sigurtà

Il-Partit Popolari jiddeplora l-qagħda prekarja tas-sigurtà f’pajjiżna, l-aktar fiż-żoni fejn jgħixu l-ħaddiema. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-episodji vjolenti li qegħdin iseħħu fuq bażi regolari f’żoni bħall-Ħamrun, il-Marsa u Buġibba kif ukoll f’Paceville, ħafna drabi mwettqa minn persuni barranin residenti f’pajjiżna. Nirreferu b’mod partikolari għax-xeni ta’ vjolenza li seħħew il-Ħadd 6 ta’ Awwissu fil-Qawra, proprju fejn ninsabu bħalissa.

Il-Poplu Malti u Għawdxi wera kemm ‘il darba li jinsab inkwetat fuq din il-problema li kull ma jmur aktar qiegħda terfa’ rasha u ilu jistenna sinjali u azzjonijiet sodi minn dawk li suppost qegħdin jirrapreżentawh.  Sfortunatament, huwa ċar li l-ilmenti qed jaqgħu fuq widnejn torox u li l-politiċi huma tassew distakkati minn dawk li eleġġewhom fil-Parlament.

Il-Partit Popolari jirrimarka wkoll fuq il-fatt li Malta llum għandha waħda mill-ogħla rati fl-Ewropa ta’ priġunieri barranin bħala perċentwal tal-popolazzjoni tal-ħabs, li jammontaw għal aktar minn nofs id-detenuti.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi żieda fin-numri tal-forzi tal-ordni f’pajjżna, kif ukoll pieni minimi aktar sostanzjali għal atti ta’ vjolenza, b’mod partikolari kontra persuni anzjani, iżda wkoll għall-vandaliżmu u disturb tal-paċi pubblika.

Madankollu, il-Partit Popolari huwa tal-fehma li s-soluzzjoni ewlenija tal-problema tkun li jiġu mħarsa aħjar il-fruntieri ta’ pajjiżna. Permezz ta’ abbuż sfaċċat u massiv tas-sistema tal-ażil, eluf ta’ persuni qegħdin jgħixu f’pajjiżna mhux għax huma tassew ippersegwitati, iżda għal raġunijiet ekonomiċi. Dawn qegħdin jibdlu n-natura ta’ lokalitajiet sħaħ f’pajjiżna, fosthom żoni bħall-Marsa, il-Ħamrun u Buġibba, fejn qegħdin naraw ukoll deterjorament qawwi tas-sigurtà. Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi politika serja, fuq il-mudell ta’ pajjiżi bħad-Danimarka, sabiex jitneħħa għal kollox l-inċentiv ekonomiku mill-użu tas-sistema tal-ażil, u din tmur lura għall-iskop tagħha ta’ kenn f’każ ta’ persekuzzjoni.

Il-Partit Popolari jinsisti wkoll fuq id-deportazzjoni ta’ kull persuna barranija residenti f’Malta li twettaq reati li jinvolvu l-vjolenza, vandaliżmu u mġiba li tiddisturba l-paċi pubblika, ikun xi jkun l-istatus tagħha, inklużi ċittadini tal-Unjoni Ewropea u persuni li jkunu ngħataw ażil, immedjatament wara li dawn ikunu skontaw is-sentenza tagħhom f’Malta.

Follow by Email
Facebook
Twitter