Stqarrija 23-2023

21/10/2023

Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Proposti Tiegħu dwar il-Politika Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Faqar (Budget 2024)

Il-Partit Popolari, flimkien mal-Koordinatur tal-Moviment Solidarjetà Edwin Vassallo, illum qed jippreżenta l-proposti tal-budget tiegħu, din id-darba fir-rigward tal-politika soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-kriżi fil-kamp soċjali, fejn għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, qegħdin naraw nies jgħixu fit-triq, ir-ritorn tal-kerrejja, u żidiet minn sena għall-oħra fin-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, li llum jammonta għal wieħed minn kull sitt persuni. Dan jolqot b’mod partikolari lill-pensjonanti, li jekk ma jkollhomx id-dar tagħhom, huwa impossibbli għalihom li jlaħħqu bil-pensjoni tal-Gvern.

Il-Partit Popolari jsejjaħ l-ewwel nett biex ma jkomplix ikun il-Gvern stess li jimporta l-faqar f’pajjiżna bil-politika ekonomika tiegħu tac-cheap labour, u bin-nuqqas tiegħu li jwaqqaf l-abbużi mis-sistema tal-ażil. Bosta mill-problemi soċjali f’pajjiżna ġejjin mill-iffullar u mit-tnaqqis fil-pagi li jirriżulta minn din il-politika.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li l-mira ewlenija tal-politika ekonomika tal-Gvern ma tkunx aktar it-tkabbir tal-prodott domestiku gross, li jkejjel biss id-daqs tal-ekonomija, iżda t-titjib tal-livell tal-għajxien taċ-ċittadin medju u ta’ dak li jinsab f’diffikultà, jiġifieri d-dħul medju ta’ dak in-nofs tal-popolazzjoni li jaqla’ l-inqas, modifikat b’kejl aħjar tal-għoli tal-ħajja minn dak eżistenti, li mhuwiex qiegħed jirrifletti ż-żidiet fl-ispejjeż li qegħdin verament jiffaċċjaw il-familji Maltin bi dħul baxx.

Il-Partit Popolari jemmen li għodda ewlenija fil-ġlieda kontra l-faqar hija l-prevenzjoni, permezz tal-appoġġ għall-familja. Għalhekk, qiegħed jipproponi appoġġ f’forma ta’ paga minima (b’akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-pensjoni) għal ġenitur li jibqa’ d-dar jieħu ħsieb it-tfal, flimkien ma’ eżenzjoni sħiħa mill-income tax għal perjodu ta’ snin wara r-ritorn fid-dinja tax-xogħol. Dan flimkien ma’ miżuri li diġà ġew ippreżentati biex jgħinu koppji żgħażagħ li jixtiequ jibdew familja biex ikollhom id-dar tagħhom, u ma miżuri biex il-familja ma tibqax tiġi mminata minn istituzzjonijiet tal-istat innifsu.

Il-Partit Popolari jtenni l-proposta elettorali tiegħu li f’pajjiżna tiġi introdotta sistema ta’ negative income tax, li hija fost l-anqas mudelli ta’ għajnuna soċjali li jnaqqsu l-inċentiv li wieħed isib impjieg u jipprova jtejjeb il-qagħda tiegħu stess. Dan jippermetti li l-għajnuna soċjali tkun tista’ ssir aktar ġeneruża milli hi llum, filwaqt li l-istat ma jkollux għalfejn jaħli riżorsi bla bżonn biex ikun pulizija tas-sistema, li bħalissa hija soġġetta għal abbużi kbar, ħafna drabi bl-għajnuna tal-politiċi stess, kif rajna dan l-aħħar. Nipproponu wkoll li dan il-benefiċċju għandu jieħu post il-manteniment tal-konjuġi f’każijiet ta’ separazzjoni jew divorzju, billi nemmnu li l-obbligu li jipprovdi għajnuna soċjali huwa tal-istat u mhux ta’ individwu. Niġbdu attenzjoni għall-fatt li bosta qegħdin jgħixu fil-faqar minħabba deċiżjonijiet tal-qrati dwar manteniment, u dan huwa faqar artifiċjali maħluq mill-istat stess.

Fir-rigward tal-kriżi tal-pensjonijiet, il-Partit Popolari jipproponi li mill-aktar fis jinbeda l-proċess ta’ tranżizzjoni mis-sistema eżistenti ta’ pay-as-you-go, fejn il-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini qegħdin jintużaw għal skopijiet oħra barra dak li għalih huma intenzjonati, lejn waħda b’finanzjament sħiħ (fully funded) fejn il-kontribuzzjonijiet jinżammu f’fond li jinżamm f’bilanċ attwarjali, jiġifieri fi stat li jkun jista’ jagħmel tajjeb għall-obbligi li jkun qed jieħu, għal kull grupp ta’ età. Huwa neċessarju wkoll li l-Gvern fl-aħħar jibda jieħu azzjoni effettiva biex jgħolli l-livell tal-pensjonijiet, li bħalissa f’ħafna każijiet qiegħed jitfa’ lill-pensjonanti fil-faqar.

Follow by Email
Facebook
Twitter