Stqarrija 07-2022

22/03/2022

Mudell Soċjali u Ekonomiku Ġdid

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi sensiela ta’ riformi fl-oqsma tal-politika ekonomika u soċjali, maħsuba biex iżżid is-sostenibilità ekonomika ta’ pajjiżna u s-saħħa tas-soċjetà tagħna.

Qegħdin nipproponu li pajjiżna jfittex li jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq is-setturi marbuta mal-evitar ta’ regolamentazzjoni u taxxi barranin. Inwaqqfu l-bejgħ tal-passaporti, u naraw li ma jkunx hemm laxkezza żejda f’setturi bħall-gaming u r-reġistru tal-vapuri. Fil-qasam tat-taxxa naraw li gradwalment noħorġu mis-settur tal-offshore mhux biss fl-ittra tal-liġi, imma wkoll fis-sustanza.

Qegħdin nipproponu wkoll li gradwalment noħorġu mill-mudell ta’ tkabbir ekonomiku bbażat fuq il-pagi baxxi. Ċerti attivitajiet li jiddependu fuq il-pagi baxxi ħafna biex ikunu vijabbli, mhuwiex posthom f’Malta, kemm minħabba l-effett soċjali tagħhom, kif ukoll għax Malta hija żgħira wisq biex tilqa’ fiha attivitajiet ekonomiċi ta’ volum kbir u b’valur miżjud baxx, bħalma huma dawn. Għalhekk, qegħdin nipproponu rduppjar gradwali tal-paga minima fuq perjodu ta’ għaxar snin, filwaqt li nwaqqfu r-reklutaġġ massiv ta’ ħaddiema direttament minn barra minn Malta b’pagi baxxi.

Biex noħolqu attivitajiet ekonomiċi ġodda li jiġġeneraw valur miżjud għoli u pagi aktar għoljin, qegħdin nipproponu miżuri fiskali li jneħħu l-piż minn fuq ix-xogħol u l-ħolqien tax-xogħol, u jitfgħuh aktar fuq il-lussu u t-tniġġis. Qegħdin nipproponu wkoll enfasi fuq it-tagħlim tal-intraprenditorija, li qatt ma ngħatat l-importanza li tixirqilha f’Malta, bir-riżultat li mhumiex jinħolqu biżżejjed negozji innovattivi. Neżentaw ukoll għal kollox mit-taxxa attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp.

Qegħdin nipproponu wkoll miżuri importanti fil-qasam soċjali. Nemmnu li jekk terġa’ tissaħħaħ il-familja, jissolvew bosta problemi li tfaċċaw fis-soċjetà, u għalhekk qegħdin nipproponu għajnuna ferm aktar qawwija għal familji bit-tfal, fosthom biex jixtru d-dar tagħhom kif ukoll biex ġenitur ikun jista’ jibqa’ d-dar għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jieħu ħsieb l-ulied ta’ età żgħira.

Qegħdin ukoll nipproponu li s-sistema tal-pensjonijiet tinbidel minn waħda “pay-as-you-go”, li tiddependi għall-vijabbiltà tagħha fuq li l-proporzjoni ta’ ħaddiema ma’ pensjonanti jibqa’ stabbli fil-futur (li mhuwiex il-każ), għal waħda “fully funded”, li żżomm ruħha dejjem f’bilanċ attwarjali għal kull grupp ta’ età, u b’hekk tkun indipendenti mill-iżviluppi demografiċi. Qegħdin nipproponu wkoll mudell prattiku ta’ kif jista’ jiġi implimentat dħul minimu universali (“universal basic income”) f’Malta permezz ta’ sistema ta’ taxxa fuq l-introjtu negattiva (“negative income tax”) li toffri aktar serħan il-moħħ mis-sistemi ta’ assistenza soċjali eżistenti, tikkoreġi inċentivi żbaljati li jeżistu fis-sistemi eżistenti, u ma żżidx piż għall-baġit tal-gvern.

Follow by Email
Facebook
Twitter