Stqarrija 29-2023

25/11/2023

Il-Partit Popolari Jsejjaħ biex ma Tintlaqax l-Applikazzjoni għal Żvilupp fuq is-Sit tal-eks Impjant tal-Gass fil-Qajjenza

Il-Partit Popolari qiegħed jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta ta’ żvilupp residenzjali massiv, b’għoli saħansitra ta’ tmien sulari, fuq art pubblika fuq is-sit tal-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza. Huwa ċar li proġetti bħal dawn, ta’ għoli ferm akbar minn dak tal-bini eżistenti fl-istess triq, jibdlu għal kollox in-natura u d-dehra taż-żona.

Il-Partit Popolari jesprimi wkoll l-apprezzament u l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, li qiegħda tmexxi din il-ġlieda, u wkoll għall-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li wkoll qiegħed jopponi dan il-proġett. Huwa jingħaqad mas-sejħa tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u ta’ oħrajn biex din l-art tingħata lill-pubbliku bħala żona ħadra ta’ rikreazzjoni.

Il-Partit Popolari jipproponi li d-deċiżjoni tajba tal-Gvern li Għawdex jiġi trattat bħala gżira ta’ villaġġi tiġi applikata wkoll għaż-żoni mhux urbani ta’ Malta, jiġifieri għall-gżira ta’ Malta kollha minbarra ż-żoni diġà densament urbani tan-naħa ta’ fuq tal-port u San Pawl il-Baħar. Għalhekk, il-Partit Popolari jipproponi li żviluppi ta’ aktar minn erba’ sulari ma jkunux permessi aktar fl-irħula Maltin, u li jingħataw ukoll inċentivi biex f’dawn iż-żoni l-bini jekk jista’ jkun jinżamm aktar baxx minn hekk.

Il-Partit Popolari jisħaq ukoll għal darb’oħra li l-kunsilli lokali għandhom jingħataw is-setgħa li jwaqqfu kull żvilupp fil-lokalità tagħhom u li dan għandu jsir ukoll f’konsultazzjoni mar-residenti, jekk meħtieġ permezz ta’ referenda lokali.

Follow by Email
Facebook
Twitter