Stqarrija 17-2022

22/10/2022

Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Proposti Tiegħu għall-Baġit għall-2023

Il-Partit Popolari jesprimi t-twemmin tiegħu li l-ekonomija ta’ pajjiżna, minkejja t-tkabbir ekonomiku li seħħ fl-aħħar snin, teħtieġ bidla fid-direzzjoni. Dan qegħdin jammettuh ukoll membri tal-gvern preżenti, inkluż il-Ministru tal-Finanzi f’dikjarazzjonjiet li għamel dan l-aħħar.

Il-Partit Popolari jemmen f’ekonomija li tinkoraġġixxi l-imprenditorija, tagħti appoġġ xieraq lill-familji, ma tibqax aktar tiddependi fuq il-pagi baxxi u ż-żieda fil-popolazzjoni għat-tkabbir tagħha, u tiżgura l-inklużjoni finanzjarja. Jemmen ukoll li t-triq lejn mudell ekonomiku ġdid jenħtieġ li tibda mill-eżerċizzju tal-baġit ta’ din is-sena stess. Għalhekk, il-Partit Popolari qiegħed jagħmel dawn il-proposti konkreti għall-Baġit għall-2023:

– Nipproponu l-introduzzjoni ta’ skema fejn familji bit-tfal jingħataw għajnuna finanzjarja biex jixtru jew jikru proprjetajiet li jkunu aktar addattati għall-bżonnijiet tagħhom, fuq il-mudell tal-iskema ta’ għajnuna għall-familji li qiegħda tiġi implimentata fl-Ungerija.

– Sabiex il-pajjiż jibda t-triq tiegħu lejn ekonomija bbażata fuq il-produzzjoni, huwa meħtieġ li jibda t-tnaqqis tar-rata massima tat-taxxa, li tapplika għall-individwi, għall-impriżi u għall-imprendituri. Għalhekk, bħala l-ewwel pass, qegħdin nipproponu tnaqqis immedjat ta’ punt perċentwali fl-ogħla rata tat-taxxa fuq l-introjtu minn 35% għal 34%.

– Sabiex il-pajjiż jibda jitbiegħed mill-mudell taċ-cheap labour, qegħdin nipproponu li l-paga minima tiżdied immedjatament b’7% + ir-rata tal-inflazzjoni. Dan bil-għan li jinbeda proċess sabiex din tirdoppja f’termini reali fuq perjodu ta’ għaxar snin.

– Qegħdin nipproponu wkoll infurzar aktar rigoruż u serju tal-liġijiet eżistenti biex jinqata’ x-xogħol bla ktieb u bi ħlas taħt il-paga minima, kemm f’dak li jirrigwarda ħaddiema barranin kif ukoll f’dak li jirrigwarda ħaddiema Maltin. Nipproponu wkoll li ssir sorveljanza ferm aktar stretta tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema reklutati minn barra, biex jieqaf l-abbuż minnhom min-naħa tal-employers u tal-aġenziji li jġibuhom f’pajjiżna.

– Biex tissaħħaħ il-ġustizzja ekonomika u tieqaf l-esklużjoni finanzjarja f’Malta, qegħdin nipproponu li l-banek ma jitħallewx aktar jirrifjutaw arbitrarjament li jiftħu kontijiet tal-bank b’servizz bażiku lil individwi jew entitajiet ibbażati f’Malta, għajr fejn ikun hemm suspetti fondati ta’ attivitajiet illeċiti. Qegħdin nipproponu li d-dritt għas-servizzi bankarji bażiċi għandu jiġi protett bħala dritt fundamentali, inkluż għal entitajiet u impriżi.

Follow by Email
Facebook
Twitter