Stqarrija 04-2023

06/04/2023

Il-Partit Popolari Jipproponi Mudell Ġdid għall-Politika Minflok dak Korrott ta’ Llum

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu għall-iżviluppi li seħħew matul l-aħħar snin u li komplew isiru dejjem aktar evidenti matul l-aħħar jiem, li wrew li l-mudell politiku li ilu magħna għexieren ta’ snin wassal għal politika li sservi lill-politiċi stess u lil sħabhom, minflok liċ-ċittadin.

Il-Partit Popolari jemmen li l-mudell ta’ partiti politiċi bla ideoloġija qiegħed iwassal biex jidħlu fil-politika persuni li l-unika motivazzjoni tagħhom hija l-gwadann personali. Irridu nwarrbu l-mudell ta’ partit-tribù u nimxu lejn sistema ta’ partiti bbażati biss fuq prinċipji. Li jkollok is-setgħa politika mingħjar skop speċifiku jwassal biex din issir għan fiha nnifisha jew tintuża għall-għanijiet personali ta’ min jamministraha. Il-Partit Popolari huwa kburi li huwa partit li jeżisti biss biex jimplimenta sett ta’ prinċipji, u mhuwiex network li permezz tiegħu l-attivisti u l-politiċi tiegħu jistgħu jiggwadanjaw xi ħaġa.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li kull persuna li tikkandida ruħha għall-elezzjonijiet ġenerali tkun meħtieġa tagħmel dikjarazzjoni tal-assi, u li tkompli tkun meħtieġa tagħmel dan kull sena jekk eletta fil-Parlament, ukoll jekk ma tkunx tokkupa kariga governattiva. Dawn id-dikjarazzjonijiet iridu jkunu akkumpanjati minn awditjar regolari sabiex tiġi żgurata trasparenza li terġa’ tagħti liċ-ċittadini fiduċja fir-rappreżentanti tagħhom.

Il-Partit Popolari jipproponi wkoll mudell ġdid ta’ finanzjament tal-partiti, li la jkompli jiddependi fuq kontribuzzjonijiet kbar mingħand negozjanti kbar u lanqas ma jkun jiddependi fuq għajnuna governattiva li fl-aħħar mill-aħħar tiġi mit-taxxi taċ-ċittadin. Minflok, il-partiti jiġu ffinanzjati biss mill-miżati tat-tesserament u minn kontribuzzjonijiet żgħar b’limitu stabbilit mil-liġi, ferm aktar baxx milli hu llum. Dan ifisser li l-partiti jiddependu ferm aktar fuq il-ħidma volontarja tal-membri u l-attivisti tagħhom, filwaqt li jnaqqsu wkoll l-infiq esaġerat tagħhom. Il-Partit Popolari jinnota li l-partiti politiċi l-kbar Maltin huma l-uniċi fl-Ewropa li għandhom l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju tagħhom. Il-baġits tagħhom ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena huma akbar minn dawk ta’ partiti politiċi ferm akbar fl-Ewropa li għandhom mijiet ta’ eluf ta’ membri u li jiksbu miljuni ta’ voti.

Dwar il-governanza tal-partiti, il-Partit Popolari jemmen f’mudell ‘minn isfel għal fuq’, fejn il-membri attivi jkollhom tassew l-aħħar kelma u wkoll fejn kwistjonijiet li jirrigwardaw biss il-lokalitajiet jiġu deċiżi mill-membri attivi residenti fil-lokalità kkonċernata. Dan biex jiġi evitat li l-uffiċjali eletti tal-partit fil-livell lokali jsegwu l-interessi politiċi jew ekonomiċi tal-partit u tad-diriġenti nazzjonali tagħhom minflok l-interessi taċ-ċittadini fil-lokalità tagħhom.

Il-Partit Popolari jistieden lill-partiti l-oħra biex huma wkoll jimpenjaw ruħhom li jsegwu dawn il-prinċipji ta’ governanza sabiex is-sistema politika Maltija tkun tista’ tikseb lura l-fiduċja taċ-ċittadini.

Follow by Email
Facebook
Twitter