Stqarrija 30-2023

07/12/2023

Il-Partit Popolari Jeliġġi t-tieni Viċi Kap tiegħu u Jwettaq Tibdil Importanti fil-Mod ta’ Tmexxija Tiegħu

Illum, is-7 ta’ Diċembru 2023, l-Assemblea Ġenerali tal-Partit Popolari, li hija l-ogħla organu tal-partit, approvat it-tibdil li ġej għall-mod ta’ tmexxija tal-Partit:

– Il-ħolqien tat-tieni kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit, biex ikun jista’ jinqasam aħjar il-piż tat-tmexxija tal-organizzazzjoni

– Bidla minn mudell elettiv għall-Kunsill tal-Partit għal wieħed ibbażat fuq l-anzjanità fis-sħubija u s-servizz tal-Partit. Dan bħala parti mill-ħidma tal-Partit biex jipprovdi mudell alternattiv għall-attiviżmu politiku bbażat fuq il-parteċipazzjoni u l-volontarjat.

– Il-ħolqien ta’ sħubija assoċjata bħala alternattiva għas-sħubija sħiħa fil-partit, għal dawk il-persuni li għadhom ma waslux biex jagħmlu l-pass ta’ sħubija sħiħa fil-Partit.

– Il-ħolqien ta’ mudell ta’ governanza għall-fergħat lokali u reġjonali tal-Partit.

L-Assemblea eliġġiet ukoll lis-Sur Jacob Gauci Cunningham, il-President tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit, Ġenerazzjoni Malta, bħala t-tieni Viċi Kap tal-Partit, flimkien mas-Sur Clint Calleja, li jibqa’ wkoll iservi fil-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit.

It-tema tal-laqgħa ta’ din is-sena kienet “Nagħtu Lura l-Għażla lill-Maltin”, u din it-tema ffurmat il-bażi tad-diskorsi ewlenin matul is-serata, inklużi dak tal-Viċi Kap ġdid Jacob Gauci Cunningham, li tkellem fuq il-ħtieġa ta’ partit b’identità ċara u soda, ħsieb li kien rifless ukoll fid-diskorsi tal-President tal-Partit Karmenu Borg, kif ukoll f’dak tal-kelliem mistieden Edwin Vassallo, li tkellmu dwar il-ħtieġa li, f’pajjiż fejn iż-żewġ partiti ewlenin qegħdin ibigħu eżattament l-istess prodott, l-elettorat jerġa’ jkollu l-għażla ta’ partit b’viżjoni differenti, biex ikollu tassew l-għażla li hi neċessarja fid-demokrazija.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit, is-Sur Paul Salomone tkellem dwar il-kisbiet tal-partit matul l-ewwel snin tal-eżistenza tiegħu, fosthom il-bini ta’ tim kwalifikat u kapaċi, it-twaqqif ta’ strutturi sodi u effettivi, il-formulazzjoni ta’ programm sod u kredibbli li joffri viżjoni alternattiva ta’ kif jista’ jitmexxa l-pajjiż. Huwa ħares ’il quddiem ukoll lejn is-sena li ġejja, bl-isfidi li mistennija ġġib magħha, fosthom il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kif ukoll il-kampanja għal referendum abrogattiv li jreġġa’ lura t-tnaqqir tad-drittijiet ta’ trabi qabel it-twelid li seħħ bl-emendi għal-kodiċi kriminali aktar kmieni din is-sena.

Follow by Email
Facebook
Twitter