Stqarrija 11-2023

15/07/2023

Il-Partit Popolari Jfakkar it-Twelid ta’ Fortunato Mizzi

Il-Partit Popolari jfakkar it-twelid ta’ Fortunato Mizzi,  patrijott Malti, u fundatur tal-moviment politiku li wassal għall-indipendenza ta’ pajjiżna.

Fortunato Mizzi kien l-awtur tal-ewwel kostituzzjoni ta’ pajjiżna li għall-ewwel darba tat lill-Maltin grad ta’ rappreżentanza fit-tmexxija ta’ pajjiżhom. Kien ukoll il-fundatur tal-ewwel partit politiku organizzat f’Malta u tal-ewwel gazzetta politika Maltija. Minħabba l-kontribuzzjoni tiegħu għal pajjiżu, kien u għadu jissejjaħ “pater patriae”.

Il-Partit Popolari jispira ruħu mill-eżempju ta’ Fortunato Mizzi fil-ħidma tiegħu fil-politika bħala servizz għall-pajjiż. Għall-kuntrarju ta’ bosta oħrajn matul l-istorja aktar riċenti ta’ Malta, b’mod partikolari fi żmienna, Fortunato Mizzi ma sarx sinjur fil-politika, anzi ssagrifika l-karriera u l-interessi tiegħu, u saħansitra saħħtu. Minkejja l-istat prekarju ta’ saħħtu kompla bil-ħidma politika tiegħu kważi sa tmiem ħajtu, li seħħ qasir il-għomor fl-età ta’ 62 sena. Kulħadd, inklużi l-avversarji tiegħu, irrikonoxxa li l-ħidma politika tiegħu kienet biss għas-servizz ta’ dak li kien jemmen fih, u bl-ebda mod għal xi gwadann personali.

Il-Partit Popolari huwa ispirat ukoll mill-kunċett li Mizzi kellu tal-patrijottiżmu, li ma kienx biss il-kisba tal-awtonomija politika, jew il-ġid materjali, imma ż-żamma tal-kultura u tal-identità. Minkejja li llum pajjiżna huwa sovran u indipendenti, qiegħed jiffaċċja sfidi daqstant jekk mhux aktar gravi għall-kultura tiegħu li ġejjin mill-għoti ta’ prijorità assoluta lill-kultura konsumista u materjalista, u wkoll għall-isforzi fil-livell Ewropew iżda anki f’pajjiżna stess biex iġiegħluna nħaddnu kultura waħda mondjali, mingħajr identità jew storja.

Jispirawna fuq kollox il-kuraġġ u r-reżiljenza ta’ Fortunato Mizzi, li kompla bil-ħidma tiegħu minkejja li matulha ra ferm aktar diffikultajiet milli suċċessi. Lejn tmiem ħajtu, ftit kien jindika li l-ħidma tiegħu kienet se twassal għar-riżultat mixtieq. Il-gvern kolonjali kien għadu kif neħħa l-libertajiet li kien ikkonċeda fil-kostituzzjoni tal-1887, u l-gazzetta tiegħu il-“Malta” kienet ingħalqet mill-awtoritajiet Ingliżi. Minkejja dan u minkejja l-qagħda ta’ saħħtu, kompla bl-impenn tiegħu, u ħalla moviment politiku magħqud, minkejja d-differenzi tal-passat, li fis-snin ta’ wara kiseb mhux biss l-awtonomija iżda saħansitra l-indipendenza għal pajjiżna.

L-eżempju ta’ Fortunato Mizzi qatt ma kien aktar importanti għal pajjiżna milli hu llum. Madankollu, il-Partit Popolari llum huwa l-uniku partit li ma nesiex il-kontribuzzjoni tiegħu u li għadu jfakkar dan il-jum. Insejħu biex Mizzi jingħata monument li jixraq is-servizz li ta lil pajjiżna, bħalma ngħataw saħansitra politiċi li kkontribwixxew ferm anqas. Insejħu wkoll lill-elettorat Malti biex jeżiġi mill-ġdid li l-politiċi tiegħu jilħqu l-istandards ta’ dedikazzjoni u servizz għal pajjiżhom li kienu normali meta pajjiżna kien qiegħed jiġġieled għall-indipendenza tiegħu, iżda li llum intilfu, kif qegħdin naraw f’dawn il-ġranet stess.

Follow by Email
Facebook
Twitter