Stqarrija 05-2024

24/02/2024

Il-Partit Popolari Jesprimi Tħassib dwar l-Introduzzjoni tal-Metodu ‘Opt-out’ għad-Donazzjoni tal-Organi

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proposta ta’ emenda fil-liġi dwar id-donazzjoni tal-organi, appoġġata miż-żewġ partiti rrappreżentati fil-Parlament, biex id-donazzjoni tal-organi ssir awtomatika, minflok tibqa’ bbażata fuq il-kunsens espliċitu, kif inhi bħalissa.

Filwaqt li l-Partit Popolari ma jiddubita bl-ebda mod mill-intenzjoni tajba ta’ din l-inizjattiva jew mill-ħtieġa ta’ żieda sostanzjali fid-donazzjoni tal-organi, huwa jemmen li din m’għandhiex tinkiseb permezz ta’ metodi manipulattivi. Il-Partit Popolari jemmen li, fi kwistjonijiet li jirrigwardaw mill-qrib il-libertà personali, għandu jiġi applikat il-prinċipju fejn tkun biss ‘iva’ ċara li tindika l-għoti ta’ kunsens.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjonijiet etiċi li se tqajjem din il-bidla fil-liġi, fosthom sitwazzjonijiet fejn ma kienx hemm l-intenzjoni li wieħed jagħti l-organi tiegħu, u sitwazzjonijiet fejn jinħolqu kunflitti morali għat-tobba li jkunu qegħdin jikkuraw pazjenti fit-tmiem ta’ ħajjithom.

Il-Partit Popolari jfakkar li hemm dubji wkoll dwar l-effikaċja ta’ dan il-metodu, tant li studji riċenti wrew li pajjiżi fl-Ewropa li adottaw il-metodu opt-out mhux talli ma għandhomx rata ta’ donazzjonijiet ogħla minn dik ta’ pajjiżi li japplikaw il-metodu opt-in, iżda saħansitra għandhom rata ta’ donazzjoni sostanzjalment aktar baxxa minn ta’ dawn tal-aħħar. Jista’ jiġri li, minħabba reazzjoni għan-natura intrużiva tagħha, din il-liġi tnaqqas id-donazzjonijiet minflok iżżidhom.

Il-Partit Popolari jħeġġeġ lil-leġiżlaturi biex ifittxu metodi li jirrispettaw aħjar il-libertà u l-awtonomija tal-individwu biex jiksbu l-istess skop ta’ żieda fid-donazzjonijiet tal-organi. Fost dawn hemm sforz akbar biex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar il-possibilità li jagħtu l-organi tagħhom, u l-benefiċċji li din id-deċiżjoni ġġib magħha għal persuni li qed isofru minn mard serju.

Il-Partit Popolari jsejjaħ ukoll lil-leġiżlaturi, biex jekk biħsiebhom jipproċedu xorta waħda b’din il-bidla fil-liġi, jaraw li l-possibilità ta’ opt-out tkun ippubbliċizzata b’mod xieraq u tkun ukoll faċli biex tintuża, inkluż għal persuni li mhumiex familjari mal-IT, jew li m’għandhomx livell edukattiv għoli.

Follow by Email
Facebook
Twitter