Stqarrija 06-2022

20/03/2022

Difiża tal-familja: inħarsu lill-familja mit-theddid ekonomiku u kulturali li qed tiffaċċja

Il-Partit Popolari huwa kburi li hu l-partit li qed jagħti l-ogħla prijorità lill-familja fil-proposti kollha tiegħu.

Qegħdin nipproponu riforma tal-politika soċjali biex din tiffavorixxi lill-familji bit-tfal – fejn jingħata self mingħajr imgħax biex jixtru darhom, li mbagħad jinbidel f’għotja jekk dawn ikollhom tliet ulied. Qegħdin nipproponu wkoll li ommijiet ta’ tliet ulied jew aktar li jkunu telqu mill-impjieg biex jieħdu ħsieb lil uliedhom jirċievu l-paga minima mingħand il-gvern, kif ukoll perjodu ta’ għaxar snin ħelsien mill-income tax wara r-ritorn fid-dinja tax-xogħol.

Qegħdin nipproponu wkoll politika ekonomika mibnija madwar il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jagħmluha mill-ġdid possibbli li wieħed jibda familja. Qed nipproponu li ż-żieda fil-pagi, u mhux it-tkabbir ekonomiku fih innifsu, ikun il-mira tal-politika ekonomika. Qegħdin nipproponu wkoll li ż-żidiet fil-prezz tal-proprjetà jiġu kkontrollati billi titrażżan iż-żieda qawwija ta’ kull sena fil-popolazzjoni minħabba l-immigrazzjoni ekonomika.

Qegħdin nipproponu li jitwaqqaf l-assalt fuq il-familja tradizzjonali mill-awtoritajiet, fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew. Għal din ir-raġuni, u għal ħafna raġunijiet oħra, qegħdin nopponu l-Equality Bill propost mill-Gvern u aċċettat mill-Oppożizzjoni. Qegħdin nipproponu li ż-żwieġ jingħata lura ftit mis-saħħa legali li ttiħditlu. Qegħdin nipproponu li koppji tradizzjonali jingħataw prijorità fl-adozzjoni. Qegħdin nipproponu li l-liġi Maltija ma tibqax trażżan u twarrab l-użu tal-kliem “omm” u “missier”.

Fis-sistema edukattiva wkoll qed nipproponu li jieqfu t-tentattivi li t-tfal jiddaħħlulhom dubji dwar l-identità tal-ġeneru tagħhom, u li tieqaf ukoll il-ħidma biex il-familja tradizzjonali tiġi relegata għal biss għażla waħda fost ħafna, minflok tiġi enfasizzata ċ-ċentralità tagħha f’soċjetà b’saħħitha. Qegħdin nipproponu wkoll li l-ġenituri jingħataw ferm aktar setgħa fejn tidħol l-edukazzjoni ta’ wliedhom, u li jkun saħansitra possibbli li jedukaw lil uliedhom huma stess, taħt ċerti ċirkostanzi.

Follow by Email
Facebook
Twitter