Stqarrija 17-2021

20/12/2021

Il-Partit Popolari jsellem il-memorja ta’ Enrico Mizzi, f’jum l-anniversarju tal-mewt tiegħu, bi tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument iddedikat lilu fil-Belt Valletta.

Il-Partit Popolari jfakkar li Nerik Mizzi kien politiku tal-moderazzjoni, imma mhux tal-kompromess mal-prinċipji. Mhux biss il-kliem u l-azzjoni tiegħu qatt ma kienu ggwidati mill-mibegħda jew iħeġġu għall-mibegħda, imma anki fi żmien meta fl-Ewropa kien hemm ideoloġiji estremi jissieltu kontra xulxin huwa qatt ma ċeda għas-sejħa tagħhom. It-triq tiegħu baqgħet dejjem dik li jħares il-kultura tal-Maltin u li jikseb għal Malta l-akbar awtonomija politika possibbli, filwaqt li jgħaqqad kemm jista’ lis-soċjetà Maltija, u jwieżen lil dawk li kellhom l-aktar bżonn. Kien kapaċi wkoll jaħdem mal-avversarji tiegħu, u saħansitra mal-gvern Ingliż li kien iddeportah illegalment ftit snin qabel, fejn dan kien fl-interess ta’ pajjiżna. Minkejja l-moderazzjoni tiegħu u d-disponibilità tiegħu li jaħdem ma’ kulħadd, madankollu, qatt ma nesa għal xiex qed jiġġieled. Il-messaġġ tiegħu kien sempliċi u konsistenti – Religio et Patria.

Għalkemm Nerik Mizzi ħallielna d-diskorsi u kitbiet tiegħu, u l-ħsieb tiegħu huwa ċar ħafna – li wieħed għandu jservi lil pajjiżu u mhux jistenna li jiġi servut minn pajjiżu, li wieħed għandu jħares il-kultura u l-istorja tiegħu għax il-futur ma jistax jinbena fuq ix-xejn, li għandna nieħdu rajna f’idejna u mhux nistrieħu fuq il-barrani, l-akbar sinjal li huwa jagħtina hija l-ħajja tiegħu stess. Mhux biss tkellem dwar politika li tgħin lill-ifqar, imma kien l-ewwel wieħed li wettaqha. Mhux biss ma ħa xejn għalih personali mill-politika, imma għex fil-faqar. Mhux biss tkellem dwar il-lealtà lejn il-pajjiż u lejn il-libertà, imma kien lest li jerfa’ l-konsegwenzi tal-ħidma politika tiegħu.

Il-Partit Popolari jwiegħed li matul il-ħidma tiegħu se jkompli jkun iggwidat mill-eżempju ta’ Nerik Mizzi u ta’ patrijotti oħra Maltin li fittxew x’jistgħu jagħtu lil pajjiżhom u mhux x’jistgħu jieħdu minnu.

Il-Partit Popolari jħabbar li b’din l-attività, qiegħed itemm il-programm ta’ attivitajiet pubbliċi tiegħu għas-sena 2021. Nixtiequ lill-membri tal-partit, lit-tim tal-partit, kif ukoll lill-pubbliku Malti u Għawdxi l-isbaħ xewqat għal Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq.

Follow by Email
Facebook
Twitter