Stqarrija 16-2022

21/09/2022

Il-Partit Popolari Jipproponi Politika li Ġġib Lura l-Indipendenza Mitlufa

Il-Partit Popolari jfakkar il-kisba tal-indipendenza u s-sovranità ta’ pajjiżna, li ġew wara ħidma politika ta’ aktar minn seklu minn politiċi patrijottiċi Maltin li ħadmu biex bil-mod il-mod jiġu trasferiti dejjem aktar setgħat minn Londra għal Malta, u wkoll biex il-Maltin iżommu l-kultura tagħhom distinta minn dik tal-ħakkiema kolonjali, li hi kundizzjoni essenzjali għall-indipendenza ta’ pajjiż żgħir.

Il-Partit Popolari jirrimarka b’sogħba li, matul l-aħħar għoxrin sena, il-kisba tas-sovranità li pajjiżna kien għamel fl-1964 reġgħet mill-ġdid tqiegħdet fid-dubju, l-aktar minħabba d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-iżviluppi li seħħew fl-Unjoni Ewropea stess matul l-aħħar snin (mhux l-anqas fosthom, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona u b’hekk it-tneħħija tal-veto minn bosta oqsma) u l-attitudni servili u sottomessa tal-gvernijiet Maltin. Il-maġġoranza l-kbira tal-liġijiet mgħoddija mill-Parlament Malti llum qegħdin jiġu imposti fuqu mill-Unjoni Ewropea, ħafna drabi mingħajr ma l-Gvern Malti kellu vuċi effettiva biex iwaqqaf leġiżlazzjoni ta’ ħsara għal pajjiżna.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi politika ferm aktar soda fl-Unjoni Ewropea, maħsuba biex mal-ewwel okkażjoni possibbli, iġġib lura d-dritt tal-veto fejn intilef, filwaqt li jiġi protett il-veto fejn għadu ma ntilifx. Nipproponu wkoll li kemm il-veto kif ukoll il-vot kuntrarju fil-Kunsill tal-Ministri ma jitħalliex fil-kexxun, kif qiegħed jiġri, iżda jintuża b’mod regolari minn Malta biex twaqqaf milli tiddaħħal leġiżlazzjoni li ma tirrispettax il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li ma tkunx fl-interess nazzjonali, li tpoġġi fid-dubju l-applikazzjoni prattika tas-sovranità nazzjonali, li torbot bla bżonn gvernijiet futuri jew li timmina l-bażi ekonomika u militari tas-sovranità ta’ pajjiżna.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li ma tibqax tittajjar il-bandiera tal-Unjoni Ewropea fuq bini pubbliku Malti flimkien ma’ dik Maltija, billi mhuwiex xieraq li aħna stess nimminaw l-istatus tagħna bħala stat sovran li ma jifforma parti minn ebda stat ieħor.

Follow by Email
Facebook
Twitter