Stqarrija 28-2023

15/11/2023

Il-Partit Popolari Jiddeplora t-Tkomplija tal-Arroganza u n-Nuqqas ta’ Konsultazzjoni fil-Proġett tal-Pjazza tal-Mosta

Il-Partit Popolari, f’konferenza stampa flimkien mal-Koordinatur tal-Moviment Solidarjetà Edwin Vassallo, qiegħed jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu għat-tqaċċit tas-siġar mill-pjazza tal-Mosta, li għal bosta snin provdew dell u kenn għall-poplu u post fejn jistrieħu l-għasafar. Dik li seħħet fil-pjazza tal-Mosta hija azzjoni li tmur kontra l-istess politika ambjentali li jgħidu li tant għandhom għal qalbhom iż-żewġ partiti.

Kif diġà ddikjara fil-passat, ukoll fir-rigward ta’ dan l-istess proġett, il-Partit Popolari jemmen li proġetti bħal dawn li suppost qegħdin isiru fl-interess taċ-ċittadini tal-lokalità, għandhom isiru b’konsultazzjoni u bi trasparenza maċ-ċittadini. Minbarra l-inkonvenjenti kbar li r-residenti batew minnhom għal dawn l-aħħar bosta xhur, naqas ukoll l-isforz biex il-pubbliku jiġi involut jew għallinqas ikkonsultat f’għażliet importanti bħal din. Ma sarx lanqas tentattiv ta’ djalogu wara li feġġet oppożizzjoni mill-pubbliku, iżda minflok sar rikors għall-pulizija biex ineħħu lil min kien qed jipprotesta.

Il-Partit Popolari huwa ddiżappuntat bil-fatt li fil-Kunsill innifsu din id-deċiżjoni ma sabet ebda oppożizzjoni u, bħal ma qiegħed jiġri ta’ sikwit fil-Parlament nazzjonali, l-oppożizzjoni vvutat mal-maġġoranza Laburista fil-Kunsill, tant li d-deċiżjoni għaddiet b’unanimità. Dan meta huwa evidenti li r-residenti tal-lokalità ma jaqblux mad-deċiżjoni. Dan jikkonferma mhux biss li ma teżisti l-ebda oppożizzjoni fil-Parlament u l-Kunsilli iżda wkoll li ż-żewġ partiti huma dejjem aktar maqtugħin miċ-ċittadin u jimxu b’approċċ ta’ teħid tad-deċiżjonijiet minn fuq għal isfel.

Il-Partit Popolari jtenni l-proposta tiegħu li proġetti bħal dawn, kemm jekk isiru mill-gvern nazzjonali jew lokali kif ukoll jekk isiru mill-privat, għandhom ikunu suġġetti għal referendum lokali. Filwaqt li għandhom jiġu mgħoddija dejjem aktar setgħat lejn il-livell lokali, dawn għandhom jiġu amministrati b’mod demokratiku, biex ikollna komunitajiet li tassew imexxu lilhom infushom fl-interess tal-lokalità tagħhom.

Follow by Email
Facebook
Twitter