Stqarrija 14-2022

08/09/2022

Il-Partit Popolari jsellem lil Malta rebbieħa

Il-Partit Popolari llum jingħaqad mal-Maltin kollha f’Malta u madwar id-dinja fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa nazzjonali ewlenija ta’ pajjiżna, li sa ftit snin ilu kienet l-unika festa nazzjonali, u li għadha sa llum l-unika festa nazzjonali ċċelebrata mill-komunitajiet Maltin barra minn xtutna.

Il-Partit Popolari jixtieq ifakkar fl-importanza ta’ dan l-avveniment storiku, li permezz tiegħu missirijietna għamlu l-għażla tagħhom, b’sagrifiċċju kbir għalihom, biex ikomplu jiffurmaw parti mid-dinja Nisranija tal-Punent. Dan mhux biex ikunu aħjar materjalment, u lanqas għall-kisba tal-libertà jew tas-sovranità, li dak iż-żmien kienu mbiegħda ferm, iżda biex iżommu t-twemmin u l-mod ta’ ħajja tagħhom.

Il-Partit Popolari huwa kburi li llum huwa l-uniku partit li għadu jiddefendi mhux biss il-kultura u l-wirt Nisrani ta’ pajjiżna, iżda wkoll l-appartenenza tiegħu għad-dinja tal-Punent u għall-Ewropa, mhux bħala istituzzjonijiet iżda bħala kultura, storja u poplu.

Il-Partit Popolari jesprimi s-sogħba tiegħu għall-isfida ġdida li qiegħda tiffaċċja fi żmienna l-identità Maltija u tal-Punent f’pajjiżna, fejn illum huma l-istituzzjonijiet kulturali u edukattivi tagħna stess, u mhux aktar forzi barranin, li qegħdin inawru l-kunsens li għal sekli sħaħ kellna f’pajjiżna dwarha.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li l-kurrikulu fl-iskejjel Maltin mill-ġdid jerġa’ jibda jrawwem il-kuxxjenza fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda li l-kultura u l-mod ta’ ħajja tagħna li jagħmilna Maltin u Ewropej huwa wirt fundamentali li għandu jiġi difiż, għaliex huwa l-bażi tal-kisbiet l-oħra kollha ta’ pajjiżna u tal-libertà tiegħu. Huwa importanti li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkunu konxji li l-valuri Ewropej li nħaddnu u ngawdu llum għandhom l-għeruq tagħhom f’kultura partikolari, li hija tagħna u li għażilnieha sekli ilu.

Qegħdin nipproponu wkoll li jerġa’ jiġi stabbilit l-istatus speċjali ta’ din il-festa nazzjonali bħala l-jum nazzjonali, bħal ma kienet fil-passat. Nemmnu li dan il-jum jisboq fis-sinifikat tiegħu li kull żvilupp li seħħ matul is-seklu għoxrin, inkluża l-indipendenza, minkejja l-importanza kbira ta’ din tal-aħħar.

Follow by Email
Facebook
Twitter