INSAĦĦU L-LIBERTÀ U NĦARSU L-BILANĊ ĠUST BEJN ID-DRITTIJIET U D-DMIRIJIET

Valuri, Libertajiet u Drittijiet Fundamentali

Il-Partit Popolari jemmen li għandu jintlaħaq bilanċ xieraq bejn valuri importanti f’dan il-qasam, li huma l-libertà tal-individwu, id-drittijiet leġittimi ta’ individwi oħra, u l-interessi aktar wiesgħa tas-soċjetà kollha. Jemmen ukoll fl-ugwaljanza quddiem il-liġi, u f’liġijiet li ma jiddifferenzjawx fuq bażi ta’ razza, ġeneru jew karatteristiċi oħra irrelevanti, imma li jittrattaw lil kull ċittadin bl-istess mod mingħajr distinzjoni.

Nemmnu bis-sħiħ fid-dinjità umana u dan il-prinċipju jiggwidana f’kull politika tagħna, iżda nopponu l-proliferazzjoni ta’ “drittijiet tal-bniedem” u l-abbuż ta’ dan il-kunċett fejn jinħonoq id-dibattitu leġittimu fuq proposti politiċi billi drittijiet ġodda kkontestati jingħataw it-timbru ta’ “drittijiet tal-bniedem”.

Nemmnu fil-ġustizzja, fejn kulħadd jingħata dak li ħaqqu fuq bażi individwali, u mhux bħala membru ta’ xi grupp statistiku.

Nemmnu li dawn il-valuri qegħdin jiffaċċjaw sfida serja minn ideoloġiji li jpoġġu fl-ewwel post l-ugwaljanza tal-eżitu, u nimpenjaw ruħna li niffaċċjaw din l-isfida u nreġġgħu lura l-effetti ħżiena ta’ din l-ideoloġija fuq il-liġijiet u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Ninnutaw ukoll li dawn l-ideoloġiji huma totalitarji fin-natura tagħhom, jiġifieri jridu jikkontrollaw mhux biss l-aġir, imma wkoll il-moħħ u l-ħsieb taċ-ċittadin.

Filwaqt li l-Partit Popolari huwa partit sekulari, jagħraf li l-għeruq u l-valuri tas-soċjetà Maltija huma nsara. Jemmen bis-sħiħ fil-libertà reliġjuża, iżda wkoll fil-valuri essenzjali li ġejjin mit-tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, fosthom il-familja tradizzjonali, id-dinjità tal-persuna umana u l-valur tal-ħajja.

Filwaqt li l-Partit Popolari jemmen f’demokrazija aktar sħiħa u fit-tixrid tal-użu tar-referendum biex jiġu deċiżi kwistjonijijet politiċi importanti ta’ interess komuni, huwa jemmen li referendum m’għandux jintuża biex jeqred drittijiet fundamentali, bħal dak tal-ħajja, u l-libertà bażika tal-individwu. Min-naħa l-oħra huwa leġittimu li dan jintuża biex isaħħaħhom, għalkemm it-tisħiħ tagħhom lanqas biss għandu jeħtieġ referendum u għandu jkun awtomatiku.

Abort

  1. Nemmnu l-ewwel nett fid-dritt bażiku tal-ħajja, u għalhekk nopponu d-dħul tal-abort f’Malta. Nemmnu li l-projbizzjoni tal-abort għandha tkun imnaqqxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Ewtanasja Involontarja u Volontarja

  1. Nemmnu li ħadd m’għandu d-dritt ineħħi l-ħajja ta’ ħaddieħor mingħajr il-kunsens tiegħu, u għalhekk nopponu bil-qawwa l-prattika tal-ewtanasja involontarja.
  2. Filwaqt li fil-prinċipju ma nemmnux li l-istat għandu jkollu rwol fid-deċiżjonijiet ta’ individwu li ma jaffettwawx id-drittijiet leġittimi ta’ persuni oħra jew tas-soċjetà, nemmnu li għandha ssir eċċezzjoni fil-każ tal-ewtanasja volontarja (suwiċidju assistit), minħabba l-perikli kbar li jistgħu jirriżultaw minn din il-prattika, fosthom dawk ta’ deċiżjonijiet meħuda fi stat mentali mhux ċar, il-perċezzjoni min-naħa tal-pazjent li huwa d-dmir tiegħu li jieħu dik l-għażla ladarba hija disponibbli, minflok ikun “ta’ piż fuq ta’ madwaru” u l-perċezzjoni min-naħa tas-soċjetà li billi teżisti l-għażla tas-suwiċidju assistit, hija inqas prijorità li l-pazjent jingħata kull kura u attenzjoni meħtieġa.

Libertà tal-Espressjoni

  1. Billi nemmnu li l-libertà tal-espressjoni hija pilastru essenzjali tal-libertà, nipproponu li din tingħata l-ogħla livell ta’ protezzjoni fil-liġijiet ta’ Malta u wkoll li jitneħħew liġijiet eżistenti li jrażżnuha, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar ‘hate speech’ fil-kodiċi kriminali. Nipproponu b’mod partikolari, li jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni ta’ Malta dispożizzjonijiet li mhux biss jipproteġu l-libertà tal-espressjoni fit-teorija, imma li jipprojbixxu b’mod espliċitu l-liġijiet li jrażżnuha, fosthom dawk eżistenti.
  2. Filwaqt li niddefendu b’kull mod il-libertà tal-espressjoni, insaħħu u nżidu d-dispożizzjonijiet fil-liġi kontra l-inċitament għall-vjolenza, inkluż l-hekk imsejjaħ ‘doxing’. Insaħħu ferm ukoll il-possibilitajiet għal azzjonijiet ċivili u għal kumpens xieraq f’każijiet ta’ libell.
  3. Nagħmlu illegali sejħiet għal boycotts kontra individwi jew gruppi ta’ nies, imma mhux fuq organizzazzjonijiet jew entitajiet ġuridiċi.

Ġustizzja u Ordni

  1. Naraw li fil-liġijiet ta’ Malta u fil-prattika ġuridika jew amministrattiva jiġi rrispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, u li fejn individwu jkun mistenni juri kif wasal għal deċiżjoni, jingħata minn qabel l-istruzzjonijiet dwar liema proċessi għandu jsegwi biex joħloq l-evidenza mitluba mil-liġi jew regolamenti amministrattivi.
  2. Naraw li r-riżorsi tal-pulizija jiġu allokati kif xieraq fuq il-prevenzjoni u l-qbid ta’ reati li tassew jaffettwaw ħażin lis-soċjetà u lil individwi, u mhux fuq it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni jew fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati mingħajr vittma.
  3. Naraw li f’każ ta’ reati li jinvolvu l-użu ta’ vjolenza, il-pieni fil-liġi jiġu miżjuda biex ikunu aktar proporzjonati mal-ħsara li tkun saret lill-vittma.
  4. Naraw li jiżdiedu ferm il-pieni f’każijiet ta’ vjolenza fuq membri tal-korp tal-pulizija, li huma esposti l-ħin kollu għal periklu, fid-difiża tagħhom tal-paċi u l-ordni. Naraw ukoll li l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-membri tal-korp tal-pulizija jittejbu biex jirriflettu aħjar il-periklu li jiffaċċjaw, kif ukoll is-servizz essenzjali li huma jagħtu lis-soċjetà.

L-Istampa u l-Media

  1. Inneħħu l-obbligu ta’ imparzjalità minn fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju, u nidderegolaw dan is-settur safejn possibbli, sabiex inwittu t-triq għal ħolqien ta’ pluraliżmu akbar u nnaqqsu l-ostakli għad-dħul f’dan il-qasam.
  2. Inreġġgħu lura l-emendi li saru għall-Att dwar ix-Xandir li saru fl-2020 u li jimponu piżijiet żejda fuq il-midja u joħolqu ostakli għad-dħul li jżommu barra parteċipanti b’riżorsi limitati. Dan minkejja r-regolamentazzjoni tal-UE dwar dan, li nemmnu li ma kellha qatt issir billi hija ndħil fl-affarijiet purament interni tal-Istati Membri.
  3. Fil-livell Ewropew naħdmu biex nirrevokaw kull leġiżlazzjoni li tirregola l-media, billi nqisu li din hija kwistjoni primarjament ta’ interess nazzjonali u mhux Ewropew.

Trattament Ugwali u Non-diskriminazzjoni

  1. Ma nqisux l-ugwaljanza jew is-simmetrija tal-eżitu bħala mira għall-azzjoni politika. Sejrin, minflok, nindirizzaw il-problemi soċjali fuq il-mertu tagħhom, niġġieldu d-diskriminazzjoni u l-inġustizzja fejn dawn tassew ikunu ppruvati li jeżistu, u naraw li kull individwu jkollu trattament ġust fuq il-mertu tiegħu, u wkoll opportunitajiet xierqa (edukazzjoni) biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.
  2. Nintroduċu t-twemmin ideoloġiku (mhux biss l-appartenenza politika) bħala karatteristika protetta fil-liġijiet ta’ Malta, kull fejn huma msemmija karatteristiċi protetti li fuq il-bażi tagħhom ma tistax issir diskriminazzjoni.
  3. Filwaqt li nirrispettaw id-dritt tal-individwu li jagħmel l-għażliet kummerċjali tiegħu mingħajr ma jkun preżunt li qed jiddiskrimina, nappoġġjaw liġijiet li jirrikjedu li impriżi b’aktar minn 10 ħaddiema ikunu meħtieġa juru li mhumiex qegħdin jiddiskriminaw fuq il-bażi ta’ karatteristiċi protetti, inkluż it-twemmin ideoloġiku u l-appartenenza politika.
  4. Nopponu kull diskriminazzjoni inkluża dik “pożittiva” għajr fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità. Nopponu l-użu ta’ kwoti skont il-ġeneru jew karatteristiċi oħra (għajr id-diżabilità), billi dawn huma wkoll forma ċara ta’ diskriminazzjoni.
  5. Naraw li ma jidħolx fil-liġijiet ta’ Malta l-Att dwar l-Ugwaljanza tal-2020, filwaqt li naraw li l-liġijiet rilevanti jkomplu joffru l-ħarsien meħtieġ mid-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ karatteristiċi protetti, inkluż it-twemmin politiku.
  6. Naraw li teoriji fil-qasam tal-ugwaljanza li huma kkontestati u li ma jilħqux l-istandards xjentifiċi xierqa, bħat-teorija tal-intersezzjonalità, it-teorija kritika tar-razza, it-teorija tal-ġeneru eċċ ma jibqgħux aktar jiġu mgħallma bħala fatti fil-kurrikulu ta’ korsijiet tal-Università ta’ Malta jew f’livelli oħra tas-sistema edukattiva. Fejn korsijiet ikunu jiddependu ħafna fuq dawn it-teoriji bħala l-bażi tagħhom, dawn ma jiġux offruti aktar. Naraw ukoll li dawn it-teoriji ma jiffurmaw il-bażi tal-ebda leġiżlazzjoni jew regolamenti tal-gvern, inkluż fil-livell Ewropew.

Prostituzzjoni

  1. Inqisu l-kwistjoni tal-prostituzzjoni bħala problema soċjali li, madankollu, għandha tiġi indirizzata f’rispett għad-dritt tal-adulti konsenzjenti li jagħżlu huma x’relazzjonijiet ikollhom bejniethom. Għalhekk naraw li jkun hemm investiment xieraq fi programmi li jagħtu alternattivi lil persuni involuti fil-prostituzzjoni biex jagħmlu tranżizzjoni lejn impjiegi oħra, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.
  2. Inżommu u ninfurzaw il-liġijiet eżistenti fir-rigward tal-itlajjar għal finijiet ta’ prostituzzjoni, u naraw li x-xogħol f’dan il-qasam ikun irreġistrat u rregolat, kif xieraq, għall-ħarsien tal-persuni involuti u sabiex jinġabru t-taxxi dovuti. Naraw ukoll li din l-attività ma tikkawżax inkonvenjent lill-ġirien u lir-residenti fil-lokalità.
  3. Niffokaw l-isforzi tal-infurzar tal-liġi f’dan il-qasam primarjament fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u kontra l-pimping.

Libertà Medika

  1. Nopponu kull impożizzjoni ta’ kura medika fuq individwi kontra r-rieda tagħhom.
  2. Inneħħu immedjatament ir-rekwiżit tal-green pass għall-Covid 19 f’Malta, inkluż għall-ivvjaġġar, u naraw li miżuri diskriminatorji bħal dawn ma jerġgħu qatt jiddaħħlu. Inneħħu wkoll b’mod immedjat ir-rekwiżit tal-użu tal-maskri għat-tfal.
  3. Nemmnu li m’għandu jsir l-ebda tentattiv mill-Istat biex jipprojbixxi trattamenti tas-saħħa li mhumiex approvati mill-awtoritajiet mediċi u li ma jkunx ċar jew probabbli li huma ta’ ħsara, għalkemm l-awtoritajiet mediċi għandhom l-obbligu li jedukaw u jinfurmaw lill-pubbliku dwar liema trattamenti fil-fehma tagħhom huma effettivi.

Droga

  1. Nemmnu li l-użu rikreattiv tad-drogi għandu jitqies bħala problema soċjali li għandha tiġi miġġielda, u mhux sempliċiment bħala stat ta’ fatt li għandu jiġi aċċettat. Madankollu, nemmnu li hemm każijiet (li jirrigwardaw l-hekk imsejħa drogi ħfief) fejn din il-ġlieda għandha ssir l-aktar permezz tal-edukazzjoni u billi jiġi offrut mudell aħjar ta’ ħajja fis-soċjetà.
  2. Fejn ikun ippruvat li t-teħid ta’ drogi jwassal għal dipendenza jew għal danni irreversibbli u sproporzjonati għall-individwu kkonċernat, jew jekk ikun hemm probabbiltà qawwija ta’ danni serji għal individwi oħrajn jew għas-soċjetà, inkluż piżijiet eżaġerati għas-sistema pubblika tas-saħħa, dawn għandhom ikunu pprojbiti, b’pieni miżjuda għal min jittraffika.
  3. Fir-rigward tad-drogi ħfief, anki fejn dawn jiġu dekriminalizzati, nopponu l-użu tagħhom fil-pubbliku, kif ukoll fi djar fejn ikunu jgħixu minorenni. Nopponu wkoll it-tkabbir u/jew il-produzzjoni tagħhom fid-djar. Nemmnu li l-Istat għandu, anki fejn jiddekriminalizza dawn id-drogi ħfief, xorta juża mezzi bħat-taxxi u l-edukazzjoni biex jiskoraġġixxi kemm jista’ l-użu rikreattiv tagħhom. Nemmnu wkoll li l-awtoritajiet lokali għandhom ikollhom l-awtorità li jipprojbixxu għal kollox il-bejgħ u l-konsum ta’ dawn id-drogi fil-lokalitajiet tagħhom.

Żwieġ u Divorzju

  1. Nirrispettaw ir-riżultat tar-referendum tal-2011 dwar l-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta, iżda nitolbu l-awtorizzazzjoni tal-elettorat biex nirrevedu l-att dwar id-divorzju biex nerġgħu nagħtu liż-żwieġ ftit mis-saħħa li tteħditlu fl-2011. B’mod partikolari, intawlu l-perjodu ta’ stennija qabel id-divorzju minn tlieta għal seba’ snin.
  2. Mingħajr ma nimponu din l-għażla fuq ħadd, nerġgħu nintroduċu mill-ġdid il-possibilità ta’ żwieġ indissolubbli bħala waħda mill-għażliet għall-koppji. Żwiġijiet li jsiru b’din l-għażla jkunu jistgħu jinħallu biss jekk misjuba nulli mill-qrati.

Libertà Reliġjuża u Rispett għall-Wirt Ġudeo-Kristjan

  1. Nemmnu fi Stat li mhuwiex konfessjonali imma li jirrikonoxxi l-għeruq Ġudeo-Kristjani tiegħu, inkluż fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u fl-istituzzjonijiet tiegħu.
  2. Nemmnu bis-sħiħ fid-dritt għal-libertà tal-kult, inkluż f’postijiet pubbliċi, sakemm dawn il-manifestazzjonijiet pubbliċi jkunu aċċettabbli għar-residenti tal-post fejn isiru, jew inkella jkunu stabbiliti bit-tradizzjoni.
  3. Niddefendu d-dritt ta’ edukazzjoni ispirata mill-fidi, kemm fi skejjel konfessjonali, kif ukoll f’kuntest ta’ home schooling basta jkun hemm standards edukattivi għoljin. Naraw li l-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat ma jiġix abbużat biex isir indħil mill-Istat fit-tmexxija u fit-tagħlim tal-iskejjel tal-Knisja.
  4. Nistabbilixxu u niddefendu d-dritt tal-objezzjoni tal-kuxjenza u naraw li, safejn ikun raġonevoli, ħadd ma jiġi mġiegħel, bħala parti mix-xogħol tiegħu, li jwettaq atti li jmorru kontra l-kuxjenza tiegħu.
  5. Niddefendu, mingħajr ma nimponu, il-mudell tal-familja tradizzjonali, kemm billi noħolqu l-qafas ġuridiku għaliha, kif ukoll billi nagħtuha kull appoġġ soċjali u ekonomiku possibbli.
  6. Nagħtu lill-ħajja l-valur għoli li jixirqilha u li tgawdi fit-tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, u naraw li dan il-prinċipju jkun applikat fil-leġiżlazzjoni kollha u fil-policies kollha li nipproponu.

Dritt tal-Awtodifiża u Pussess ta’ Armi

  1. Nemmnu bis-sħiħ fid-dritt tal-awtodifiża u naraw ukoll li d-difiża tal-proprjetà ma tiġix kriminalizzata.
  2. Nilliberalizzaw sa fejn possibbli taħt ir-regolamentazzjoni tal-Unjoni Ewropea, iż-żamma ta’ armi tan-nar u ta’ armi oħra għall-finijiet ta’ awtodifiża. Nilliberalizzaw ukoll sa fejn possibbli ż-żamma ta’ armi mill-kollezzjonisti. F’dan kollu, naraw li jittieħdu l-miżuri kollha biex tkun issalvagwardjata s-sikurezza tal-komunità.

LGBTQ u Identità tal-Ġeneru

  1. Nirrispettaw u niddefendu d-dinjità ta’ persuni LGBTQ u d-dritt tagħhom li jgħixu ħajjithom mingħajr indħil.
  2. FL-adozzjoni tat-tfal f’pajjiżna, nagħtu prijorità lill-koppji ta’ sess differenti mit-twelid li jkunu disponibbli biex jadottaw it-tfal.
  3. Nipprojbixxu interventi kirurġiċi jew oħrajn ta’ tranżizzjoni fis-sess f’każ ta’ persuni taħt l-età ta’ 21 sena u neskludu kull finanzjament pubbliku għal dawn l-interventi fi kwalunwke età.
  4. Inneħħu l-projbizzjonijiet li ddaħħlu fuq trattamenti offruti lil persuni LGBTQ biex volontarjament jippruvaw jibdlu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Nemmnu li dawn il-projbizzjonijiet huma ndħil mhux ġustifikat fil-libertà bażika ta’ dawn l-individwi.
  5. Inneħħu mill-kurrikulu fil-livell primarju kull referenza għal relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u wkoll għal persuni li jibdlu l-ġeneru, u minflok, dan it-tagħlim jibda fl-iskola sekondarja mill-età ta’ 14-il sena, u b’mod proporzjonat, bilanċjat u mingħajr indottrinazzjoni. Naraw li f’dan il-proċess tinżamm ukoll il-perspettiva ġusta fuq ir-rwol ċentrali tal-familja tradizzjonali għall-eżistenza u s-saħħa tal-komunità u tas-soċjetà.
  6. Inreġġgħu lura t-tibdil li sar fl-Att dwar iż-Żwieġ fl-2017 fejn tneħħew ir-referenzi għal omm u missier. Nemmnu li d-drittijiet ta’ persuni LGBTQ jistgħu jinkisbu bis-sħiħ mingħajr ma ninnegaw ir-rwol ċentrali u essenzjali tal-familja tradizzjonali fis-soċjetà.
  7. Nieħdu kont tal-importanza li mhux biss il-ġeneru iżda wkoll is-sess bijoloġiku tal-individwu jkun magħruf u rreġistrat mill-istat u li din l-informazzjoni tkun disponibbli pubblikament.
  8. Filwaqt li nisħqu li s-sess bijoloġiku, bħall-ġeneru, għandu jkun karatteristika protetta, naraw li distinzjoni skont is-sess bijoloġiku tkun tista’ ssir fejn raġonevoli (bħal f’attivitajiet sportivi, faċilitajiet sanitarji, skejjel, għaqdiet).
Follow by Email
Facebook
Twitter