Stqarrija 27-2023

09/11/2023

Il-Partit Popolari Jiddeplora n-Nuqqas ta’ Viżjoni Alternattiva fuq l-Ekonomija fil-Parlament

Il-Partit Popolari, f’konferenza stampa flimkien mal-Koordinatur tal-Moviment Solidarjetà Edwin Vassallo, qiegħed jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ viżjoni alternattiva fil-Parlament għall-politika ekonomika tal-Gvern u għall-proposti tiegħu fil-budget għall-2024.

Ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni fil-Parlament kienet nieqsa minn kull proposta konkreta, ħlief li tingħata importanza lill-kunċett tal-ESG, li huwa kunċett li hu moda mal-konsulenti tan-negozju iżda li hu biss wieħed kożmetiku li la jaffettwa b’xi mod il-mudell ekonomiku preżenti u lanqas huwa bażi għal mudell alternattiv. Minbarra dan, ir-retorika tal-ESG diġà ġiet addottata mill-Gvern, għaliex hija kompletament konsistenti mal-mudell ekonomiku eżistenti. Smajna wkoll is-soltu akkużi dwar korruzzjoni u nuqqas ta’ governanza tajba li ilhom jagħmlu minn dejjem il-partiti tradizzjonali lil xulxin, iżda li ma japplikawhomx għalihom infushom meta mbagħad ikunu fil-gvern huma stess. Smajna wkoll il-kritika tas-soltu dwar id-dejn, meta l-Oppożizzjoni stess imxiet bl-istess politika ta’ nfiq pubbliku bla rażan, u ta’ livelli għolja ferm ta’ dejn meta kienet fil-gvern.

Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel aċċenn vag għal li jrid irażżan il-mudell ekonomiku tal-kwantità u tal-volum li għandna bħalissa, litteralment ma ppropona l-anqas miżura konkreta waħda li tista’ tilħaq dan l-għan. Bl-istess mod, ma ppropona l-ebda miżura konkreta biex nibdew it-triq lejn ekonomija bbażata fuq il-valur miżjud. Dan għall-kuntrarju tal-Partit Popolari, li kien lest li jippreżenta programm ekonomiku alternattiv tiegħu għall-iskrutinju tal-pubbliku.

Il-Partit Popolari jemmen li biex ikollna mudell ekonomiku alternattiv ippreżentat fil-Parlament irid l-ewwel ikollna rappreżentanza ta’ partiti li ma jħaddnux l-istess viżjoni bażika tal-Gvern. Ir-raġuni għaliex il-Partit Popolari seta’ jippreżenta proposti konkreti u differenti minn tal-Gvern matul l-aħħar ġimgħat, fosthom żieda drastika fil-paga minima, tibdil fis-sistema tat-taxxa u fis-sistema soċjali, hija għaliex il-punt tat-tluq tiegħu ideoloġiku tiegħu huwa wieħed radikalment differenti minn dak taż-żewġ partiti fil-Parlament. Nemmnu li biex ikollna ekonomija ġdida u pajjiż ġdid irid l-ewwel ikollna sistema politika ġdida li tkun tassew kompetizzjoni tal-viżjonijiet u tal-ideat minflok ġlieda anakronistika ta’ żewġ tribujiet politiċi identiċi għal xulxin.

Follow by Email
Facebook
Twitter