Stqarrija 10-2022

07/06/2022

Il-Partit Popolari jfakkar il-martri Maltin tas-Sette Giugno 1919

Il-Partit Popolari llum qiegħed isellem lill-memorja tal-martri Maltin tal-avvenimenti tas-7 ta’ Ġunju 1919 u li, b’segwitu għas-sagrifiċċju tagħhom, pajjiżna kiseb l-ewwel kostituzzjoni li kienet tagħtih il-jedd li jiggverna lilu nnifsu u għamel ukoll pass kbir lejn il-kisba tas-sovranità tiegħu.

F’din l-okkażjoni, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni fuq kollox għall-importanza tad-difiża tal-kisbiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 u tal-ġlieda twila tal-Maltin biex jiggvernaw lilhom infushom. F’dawn l-aħħar snin, l-aktar wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna qiegħed bil-mod il-mod jitlef dak li bata tant biex kiseb. Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament Malti jew li jidħlu fis-seħħ direttament f’pajjiżna mhumiex aktar liġijiet magħmula minnu stess, iżda liġijiet mgħoddija mill-Unjoni Ewropea, fejn Malta għandha biss vuċi dgħajfa, u li issa hemm proposti biex saħansitra titnaqqas bit-tneħħija tal-veto. Qegħdin nipproponu li l-gvernijiet Maltin jieqfu jbaxxu rashom għal dan it-tnaqqis tal-libertà nazzjonali, u mhux biss jopponu l-proposti għat-teħid tal-aħħar ftit setgħa li baqagħla Malta fl-Ewropa, iżda wkoll jaħdmu biex l-UE titwaqqaf milli tilleġiżla f’affarijiet interni ta’ pajjiżna, dritt li kellna saħansitra bħala kolonja Ingliża wara l-1921.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-tnaqqir tal-proċess demokratiku nnifsu, li jagħti l-leġittimità lill-Parlament. Din is-sena rajna għall-ewwel darba l-introduzzjoni ta’ kwoti, fejn saret diskriminazzjoni sfaċċata skont is-sess tal-persuna, u ċ-ċittadini ma baqgħux jiġu trattati b’mod ugwali quddiem il-liġi. B’riżultat ta’ dan, bosta deputati fil-Parlament Malti ma jirrappreżentawx tassew lill-poplu Malti, billi ma ġewx eletti minnu.

Niddeploraw ukoll il-fatt li matul dawn il-mitt sena, il-partiti politiċi Maltin ewlenin ma baqgħux aktar organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw ideat għas-servizz tal-pajjiż, imma saru organizzazzjonijiet korrotti li jixtru l-voti bil-klijenteliżmu u li jiksbu l-finanzjament tagħhom permezz ta’ skambju ta’ favuri. Qegħdin naraw politiċi tal-partiti l-kbar jistagħnew waqt li jokkupaw karigi pubbliċi, b’differenza tal-politiċi patrijottiċi li ħadmu biss għal-libertà u l-ġid ta’ pajjiżna kemm fl-1919 kif ukoll fis-snin ta’ qabel u ta’ wara, sakemm pajjiżna kiseb il-libertà tiegħu.

Il-Partit Popolari sa mit-twaqqif tiegħu sejjaħ għal mod ġdid kif issir il-politika, ibbażat fuq il-volontarjat. Tajna eżempju ta’ dan bil-mod kif mexxejna l-partit tagħna stess. Sejjaħna, u qegħdin insejħu mill-ġdid, għal sistema politika bbażata fuq ir-rappreżentanza diretta tar-rieda tal-poplu, permezz ta’ parlament aktar rappreżentattiv imma wkoll permezz tal-użu ferm akbar tar-referendum. Qegħdin fuq kollox insejħu, u se nkomplu nagħmlu dan, għat-teħid lura tas-sovranità li kisbu missirijietna u li jekk nitilfuha m’hemm l-ebda garanzija li se nkunu nistgħu niksbuha lura għat-tieni darba.

Follow by Email
Facebook
Twitter