Stqarrija 20-2023

07/10/2023

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għal Prijorità għaż-Żgħażagħ fil-Baġit 2024

Il-Partit Popolari, flimkien mal-Koordinatur tal-Moviment Solidarjetà Edwin Vassallo, illum qed jippreżenta l-proposti baġitarji tiegħu intiżi biex iż-żgħażagħ ikollhom futur f’pajjiżna u ma jkunux kostretti jfittxu l-futur tagħhom barra minn xtutna.

Il-Partit Popolari jiddeplora l-qagħda li jinsabu fiha ż-żgħażagħ f’pajjiżna, fejn għall-ewwel darba fil-ħajja ta’ Malta indipendenti għandna ġenerazzjoni li mhux biss mhijiex qiegħda tgħix aħjar mill-ġenerazzjoni ta’ qabilha, iżda lanqas biss tista’ taspira li tilħaq l-istess livell ta’ għajxien li kien normali għall-ġenituri tagħhom. Iż-żgħażagħ tagħna jafu li l-ġenituri tagħhom setgħu jaqilgħu paga diċenti, tant li bosta familji kienu jgħixu tajjeb anki b’paga waħda, u f’ħafna każijiet jibnu d-dar tagħhom, ħaġa li llum lanqas biss jistgħu joħolmuha. Dan flimkien mat-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali, fejn pajjiżna llum ma joffrix opportunità ta’ kwiet u mistrieħ. L-effett ta’ dan kollu huwa li numri dejjem jikbru ta’ żgħażagħ saħansitra jixtiequ li ma twildux Malta, kif kien rifless fi stħarriġ li sar f’Ġunju 2023 mill-Uffiċċju tal-President.

Il-proposta ewlenija tal-Partit Popolari għall-Baġit 2024 fejn jidħlu ż-żgħażagħ hi li koppji żgħażagħ jingħataw sussidju sostanzjali għax-xiri ta’ proprjetà residenzjali li jitla’ sa €60,000, li jibda bħala self bla imgħax u jsir għotja f’każ li dawn ikollhom it-tfal jew jaddottaw it-tfal. Nemmnu li huwa ta’ importanza għas-soċjetà kollha kemm hi li jkun vijabbli għaż-żgħażagħ tagħna li jibdew familja. Fl-istess waqt, qed nipproponu żieda sostanzjali fil-paga minima biex nindirizzaw parti mill-problema tal-pagi baxxi għall-Maltin, kif ukoll tal-importazzjoni ta’ ħaddiema b’pagi baxxi minn barra, li qiegħda wkoll taffettwa d-domanda għall-proprjetà.

Biex isaħħaħ l-opportunitajiet ukoll għaż-żgħażagħ li lesti jinvestu fil-futur tagħhom u ta’ pajjiżhom, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll eżenzjoni mill-income tax għal imprendituri żgħażagħ, sal-età ta’ 35 sena, jekk dawn ikunu qed jimpjegaw mill-anqas persuna waħda magħhom.

Fuq kollox, il-Partit Popolari qiegħed jagħmel proposti konkreti biex ikun hemm tranżizzjoni mill-ekonomija tal-pagi baxxi u tal-evażjoni, li għandna llum u li toffri opportunitajiet limitati għaż-żgħażagħ, għal waħda bbażata fuq attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud għoli, l-aktar dawk ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tat-teknoloġija. Dan qed nipproponu li nagħmluh permezz ta’ inċentivi kbar fiskali kif ukoll fuq strateġija ta’ clusters li ħadmet f’pajjiżi oħra bħal Singapore.

Il-Partit Popolari jinsisti wkoll li minflok ikomplu jinħlew riżorsi eżaġerati fuq entitatjiet politiċizzati fi ħdan l-Università, bħalma hi l-Faculty of Social Wellbeing, l-infiq fejn tidħol l-Università u l-edukazzjoni jiffoka aktar fuq oqsma essenzjali għall-futur taż-żgħażagħ tagħna, bħalma huma x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, flimkien ma riċerka fl-istorja u l-kultura tagħna li jsaħħu s-sens ta’ appartenenza taż-żgħażagħ tagħna.

Follow by Email
Facebook
Twitter