Stqarrija 22-2022

20/12/2022

Il-Partit Popolari Jsellem lil Enrico Mizzi, f’Jum l-Anniversarju tal-Mewt Tiegħu

Il-Partit Popolari llum qiegħed isellem il-memorja ta’ Enrico Mizzi, f’jum l-anniversarjutal-mewt tiegħu, bi tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument iddedikat lilu fil-Belt Valletta.

Enrico Mizzi kien politiku li l-ħajja politika tiegħu kienet ikkaratterizzata minn missjoni ċara, li kienet dik li jaħdem għal-libertà politika ta’ pajjiżna, imma mhux anqas għall-ħarsien tal-kultura tiegħu, li tagħtih sens ta’ identità bħala poplu.

Minkejja li beda l-karriera politika tiegħu fi żmien meta Malta kienet tneħħitilha saħansitra l-kostituzzjoni tal-1887, u magħha l-libertà politika limitata li din kienet tatha, huwa emmen sa mill-bidu nett fil-ħolma tal-indipendenza politika, u ħadem pubblikament biex Malta tingħata dominion status, jiġifieri indipendenza taħt il-kuruna Ingliża.

Il-Partit Popolari jsellem ukoll il-moderazzjoni u l-għaqal ta’ Enrico Mizzi li kien kapaċi mhux biss jibni pontijiet ma’ politiċi oħra li kellhom l-istess għan politiku, minkejja d-differenzi fil-personalità u fl-ambizzjonijiet, imma kien ukoll kapaċi jmur lil hinn anki mill-inġustizzja li sofra min-naħa tal-gvern Ingliż biex jaħdem magħhom għall-ġid ta’ pajjiżna fil-perjodu qasir li fih kien Prim Ministru.

Fuq kollox, il-Partit Popolari jsellem il-valuri ta’ servizz li huma l-wirt ewlieni ta’ Enrico Mizzi. Mhux biss ma ħa xejn għalih personali mill-politika, imma ssagrifika l-interessi materjali tiegħu għall-kawża li kien jemmen fiha. Mhux biss tkellem dwar il-lealtà lejn il-pajjiż u lejn il-libertà, imma kien lest li jerfa’ personalment il-konsegwenzi tal-ħidma politika tiegħu.

Il-Partit Popolari jistieden lill-politiċi kollha minn kull partit u xaqliba politika biex isegwu l-eżempju ta’ Enrico Mizzi u ta’ patrijotti oħra Maltin li fittxew x’jistgħu jagħtu lil pajjiżhom u mhux x’jistgħu jieħdu minnu.

Il-Partit Popolari jħabbar li b’din l-attività, qiegħed itemm il-programm ta’ attivitajiet pubbliċi tiegħu għas-sena 2022. Nixtiequ lill-membri tal-partit, lit-tim tal-partit, kif ukoll lill-pubbliku Malti u Għawdxi l-isbaħ xewqat għal Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq.

Follow by Email
Facebook
Twitter