Stqarrija 11-2022

15/07/2022

Il-Partit Popolari Jfakkar it-Twelid ta’ Fortunato Mizzi

Il-Partit Popolari jfakkar it-twelid ta’ patrijott Malti, u fundatur tal-moviment politiku li wassal għall-indipendenza ta’ pajjiżna.

Fortunato Mizzi kien jemmen fil-ħidma politika bħala servizz għall-pajjiż. Kien hu minn tal-ewwel li waqqaf partit politiku organizzat f’Malta, u mexxa waħda mill-ewwel gazzetti politiċi b’ċirkolazzjoni wiesgħa f’pajjiżna. Minkejja l-istat prekarju ta’ saħħtu kompla bil-ħidma politika tiegħu kważi sa tmiem ħajtu, li seħħ qasir il-għomor fl-età ta’ 62 sena. Kulħadd, inklużi l-avversarji tiegħu, irrikonoxxa li l-ħidma politika tiegħu kienet biss għas-servizz ta’ dak li kien jemmen fih, u bl-ebda mod għal xi gwadann personali.

Il-Partit Popolari jfakkar il-kunċett li Mizzi kellu tal-patrijottiżmu, li ma kienx biss il-kisba tal-awtonomija politika, jew il-ġid materjali, imma ż-żamma tal-kultura u tal-identità. Filwaqt li ħadem għall-kisba ta’ kostituzzjonijiet li jagħtu aktar setgħa lill-Maltin, fosthom il-kostituzzjoni tal-1887 li ngħatat mill-Ingliżi direttament b’riżultat tal-ħidma tiegħu, ma kienx lest li jissagrifika l-ħarsien tal-kultura u l-identità, anki meta dan seta’ jgħaġġel il-proċess ta’ trasferiment tal-poteri mill-gvern kolonjali għal għand il-Maltin.

Ħajjet Fortunato Mizzi tagħti kuraġġ lil kull min hu impenjat fil-ħidma politika għall-kawża tal-libertà u għall-indipendenza nazzjonali. Matul il-ħidma politika tiegħu, ra ferm aktar diffikultajiet milli suċċessi. Lejn tmiem ħajtu, ftit kien jindika li l-ħidma tiegħu kienet se twassal għar-riżultat mixtieq. Il-gvern kolonjali kien għadu kif neħħa l-libertajiet li kien ikkonċeda fil-kostituzzjoni tal-1887, u l-gazzetta tiegħu il-“Malta” kienet ingħalqet mill-awtoritajiet Ingliżi. Minkejja dan u minkejja l-qagħda ta’ saħħtu, kompla bl-impenn tiegħu, u ħalla moviment politiku magħqud, minkejja d-differenzi tal-passat, li fis-snin ta’ wara kiseb mhux biss l-awtonomija iżda saħansitra l-indipendenza għal pajjiżna.

Il-Partit Popolari jimpenja ruħu li, anki llum meta l-prinċipji ta’ Fortunato Mizzi m’għadhomx aktar moda fost il-politiċi Maltin, jaħdem biex jerġa’ jagħtihom il-ħajja u jirrappreżentahom fil-politika Maltija. Bħalu, qegħdin u bi ħsiebna nkomplu naħdmu sabiex il-politika terġa’ ssir ħidma volontarja mingħajr interessi, kif ukoll biex inġibu lura s-setgħat li tilef il-Parlament Malti b’mod partikolari fuq l-affarijiet interni ta’ pajjiżna, u biex inħarsu l-kultura ta’ pajjiżna mill-inġinerija soċjali u kulturali, kemm jekk ġejja minn barra minn xtutna kif ukoll jekk imbuttata minn politiċi Maltin stess.

Follow by Email
Facebook
Twitter