Stqarrija 03-2020

20/12/2020

Il-Partit Popolari jixtieq jesprimi d-dispjaċir tiegħu lejn l-allegat aġir rappurtat fil-media, tal-Onorevoli Rosianne Cutajar. Qed nirreferu għal kuntatti li allegetament jinvolvu senserija ta’ madwar €50,000, li fihom hemm ikkonċernat Yorgen Fenech, li huwa taħt inkjesta dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, kif ukoll ir-raġel ta’ waħda mill-maġistrati li hija involuta f’din l-istess inkjesta. Il-każ tal-Onorevoli Cutajar huwa partikolarment sinifikanti meta tqis li ftit tax-xhur ilu l-Onorevoli Justyne Caruana kellha tirreżenja mill-kariga ministerjali tagħha, mhux għaliex kellha kuntatt dirett mas-Sur Fenech, imma għaliex żewġha kellu x’jaqsam mal-allegat mandant ta’ dan id-delitt.

Tajjeb insemmu wkoll li l-Onorevoli Cutajar hija wara l-proposta liġi dwar l-Ugwaljanza li jekk tidħol fis-seħħ tista’ taffetwa l-libertà tal-kuxjenza ta’ diversi kategoriji ta’ professjonisti, tnaqqas l-awtorità tal-ġenituri fuq uliedhom u titfa’ f’riskju l-libertà sabiex gruppi reliġjużi jeżercitaw twemminhom skont il-morali tagħhom.

Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Popolari jitlob li l-Onorevoli Cutajar terfa’ r-responsabilitajiet tagħha, kif ukoll li l-Prim Ministru jagħmel dmiru u jimxi l-istess kif mexa fil-bidu ta’ din l-istess sena.

Follow by Email
Facebook
Twitter