Stqarrija 08-2023

07/06/2023

Il-Partit Popolari jfakkar it-twelid tad-demokrazija f’pajjiżna u jsejjaħ għat-tisħiħ tagħha

Il-Partit Popolari llum qiegħed isellem lill-memorja tal-martri Maltin tal-avvenimenti tas-7 ta’ Ġunju 1919 u li, b’segwitu għas-sagrifiċċju tagħhom, pajjiżna kiseb l-ewwel kostituzzjoni li kienet tagħtih il-jedd li jiggverna lilu nnifsu u li l-liġijiet f’pajjiżu jsiru minn parlament rappreżentattiv tiegħu.

Il-Partit Popolari jinnota u jikkondividi t-tħassib taċ-ċittadini Maltin dwar il-qagħda tad-demokrazija f’Malta, kif espress fl-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar dan is-suġġett.

Il-Partit Popolari jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis kontinwu tar-relevanza tal-Parlament Malti, li s-setgħat tiegħu qegħdin jiġu trasferiti lejn Brussell. Jinnota wkoll li qed isiru sejħiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex mhux biss dan il-proċess iħaffef il-pass tiegħu, iżda wkoll li jitneħħa l-veto li s’issa jagħmilha possibbli li titwaqqaf leġiżlazzjoni Ewropea li tkun ħażina għal pajjiżna. Il-Partit Popolari jappella lill-Gvern biex jieqaf iċedi setgħat ġodda lil Brussell, u jipproponi li Malta taħdem biex tikseb l-eżenzjonijiet li għandhom pajjiżi oħra bħad-Danimarka u l-Irlanda b’mod partikolari fl-oqsma tal-affarijiet interni.

Il-Partit Popolari huwa mħasseb ukoll bl-attakk li qed isir fuq il-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva u tal-ugwaljanza ta’ kull ċittadin quddiem il-liġi permezz tal-kwoti tal-ġeneru fil-Parlament Malti. Ninnotaw ukoll li l-Gvern qiegħed jipproponi li dan it-tnaqqir tad-demokrazija jiġi estiż ukoll għall-Kunsilli Lokali. Il-Partit Popolari jopponi bil-qawwa kollha dawn il-miżuri u jipproponi li jitneħħew mill-aktar fis.

Fl-istess waqt, il-Partit Popolari jinnota b’dispjaċir li d-demokrazija li kienet inkisbet fil-livell lokali matul l-aħħar tletin sena, illum ukoll reġgħet bdiet titnaqqar. Il-gvern ċentrali mhux biss qiegħed jaħtaf setgħat li kienu u li għandhom jibqgħu f’idejn ir-rappreżentanti eletti lokali, iżda qiegħed juża pressjoni fuq ir-rappreżentanti lokali biex isegwu l-istruzzjonijiet tal-partit tagħhom fil-livell ċentrali minflok jirrappreżentaw kif xieraq lill-kostitwenti tagħhom. Nipproponu mhux biss li jingħataw lura s-setgħat kollha lill-Kunsilli, iżda li l-partiti fil-livell lokali jitħallew joperaw mingħajr indħil mill-kwartieri ġenerali tal-partit tagħhom.

Il-Partit Popolari jemmen li mhux biss għandna nħarsu l-kisbiet demokratiċi eżistenti, iżda li s-soċjetà tagħna llum hija matura biżżejjed għal passi ġodda lejn demokrazija aktar sħiħa, fejn il-poplu ma jiġix biss ikkonsultat kull ħames snin iżda jkollu l-possibiltà li jesprimi ruħu f’referendums. Għalhekk, qegħdin nipproponu li, flimkien mar-referendum abbrogattiv, jiddaħħal ukoll dak propożittiv, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipproponu liġijiet ġodda huma stess direttament. Qegħdin nipproponu wkoll li jitneħħew ir-restrizzjonijniet eżistenti fuq id-dritt tar-referendum, biex ikunu jistgħu jiġu proposti wkoll referendums li jirrigwardaw trattati internazzjonali u oqsma oħra fejn bħalissa ma japplikax id-dritt tar-referendum.

Fl-aħħar nett, bħala partit politiku ġdid, il-Partit Popolari qiegħed jipprattika diġà mod ġdid kif issir il-politika fil-livell tal-partiti. Nemmnu li l-poplu huwa mxebba’ jkun taparsi rappreżentat minn partiti li fil-fatt qed jaqdu mhux lill-elettorat imma lil sidien oħra. Nemmnu li hija meħtieġa trasparenza ferm akbar fejn jidħol il-finanzjament tal-partiti, biex dawn jerġgħu jsiru strument li jsaħħaħ ir-rappreżentanza tal-poplu u mhux wieħed li jfixkilha. Nemmnu li sistema li fiha partit politiku huwa mistenni li jonfoq miljuni ta’ ewro fis-sena fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju u media oħrajn, kampanji, pagi u kwartieri ġenerali u każini f’kull raħal, imma fejn mhuwiex mistenni li jgħid pubblikament eżattament minn fejn ġejjin dawn il-flejjes, huwa wieħed li kważi bilfors se jwassal għall-korruzzjoni u għal deċiżjonijiet politiċi li ma jsirux fl-interessi taċ-ċittadin. Nipproponu għalhekk liġijiet ferm aktar stretti fuq it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, iżda wkoll limiti massimi stretti fuq l-infiq li jista’ jagħmel partit biex dan jitnaqqas għal livelli li huma normali f’demokraziji maturi u żviluppati.

Follow by Email
Facebook
Twitter