Stqarrija 12-2022

28/07/2022

Il-Partit Popolari Jippreżenta Proposti dwar il-Qagħda tas-Sigurtà

Il-Partit Popolari jiddeplora l-qagħda prekarja tas-sigurtà f’pajjiżna, l-aktar fiż-żoni fejn jgħixu l-ħaddiema. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-episodji vjolenti li qegħdin iseħħu fuq bażi regolari f’żoni bħall-Ħamrun, Marsalforn, il-Marsa u Buġibba kif ukoll f’Paceville, ħafna drabi mwettqa minn persuni barranin residenti f’pajjiżna.

Fl-istess ħin, il-Partit Popolari jirrimarka fuq il-fatt li Malta llum għandha l-ogħla rata fl-Ewropa ta’ priġunieri barranin bħala perċentwal tal-popolazzjoni. Din ir-rata prattikament irduppjat f’perjodu ta’ ftit snin, minn 54 għal kull mitt elf abitant, għal 102. Malta llum hija wkoll wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja fejn aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-ħabs tikkonsisti f’residenti barranin.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi żieda fin-numri tal-forzi tal-ordni f’pajjżna, kif ukoll pieni minimi aktar sostanzjali għal atti ta’ vjolenza, b’mod partikolari kontra persuni anzjani, iżda wkoll għall-vandaliżmu u disturb tal-paċi pubblika.

Qiegħed jipproponi wkoll li l-awtoritajiet jieqfu jinkoraġġixxu turiżmu mhux ta’ kwalità li jwassal għal disturb kontinwu tal-paċi pubblika u saħansitra tas-sigurtà tar-residenti, mhux biss f’żoni turistiċi bħal Paceville, Buġibba u Marsalforn iżda issa wkoll fil-Belt Valletta.

Il-Partit Popolari jemmen madankollu, li s-soluzzjoni ewlenija tal-problema tinsab fil-ħarsien aħjar tal-fruntieri ta’ pajjiżna. Eluf ta’ persuni qegħdin jgħixu f’pajjiżna taħt il-kappa tas-sistema tal-ażil li, bl-abbuż li qiegħed isir minnha, illum tista’ tgħid tilfet l-iskop oriġinali tagħha u saret mod kif wieħed jemigra lejn l-Ewropa u pajjiżi żviluppati oħra biex jibbenefika minn kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar. Ħafna drabi, żoni bħall-Marsa, il-Ħamrun u Buġibba qegħdin jieħdu l-karatteristiċi, f’termini ta’ sigurtà, li għandhom il-pajjiżi minn fejn ikunu ġew ir-residenti l-ġodda tagħhom. Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi politika serja, fuq il-mudell ta’ pajjiżi bħad-Danimarka, sabiex jitneħħa għal kollox l-inċentiv ekonomiku mill-użu tas-sistema tal-ażil, u din tmur lura għall-iskop tagħha ta’ kenn f’każ ta’ persekuzzjoni.

Il-Partit Popolari jinsisti wkoll fuq id-deportazzjoni ta’ kull persuna barranija residenti f’Malta li twettaq reati li jinvolvu l-vjolenza, vandaliżmu u mġiba li tiddisturba l-paċi pubblika, ikun xi jkun l-istatus tagħha, inklużi ċittadini tal-Unjoni Ewropea u persuni li jkunu ngħataw ażil, immedjatament wara li dawn ikunu skontaw is-sentenza tagħhom f’Malta.

Follow by Email
Facebook
Twitter