Stqarrija 21-2023

14/10/2023

Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Proposti Tiegħu dwar l-Għoli tal-Ħajja (Budget 2024)

Il-Partit Popolari, flimkien mal-Koordinatur tal-Moviment Solidarjetà Edwin Vassallo, illum qed jippreżenta l-proposti tal-budget tiegħu, din id-darba fir-rigward tal-problema tal-għoli tal-ħajja li laqtet lil pajjiżna matul l-aħħar xhur u snin.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f’Malta r-rata tal-inflazzjoni kienet ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar tliet snin, fejn l-indiċi tal-prezzijiet żdied b’25%. Ma’ dan irid jitqies ukoll li l-indiċi tal-prezzijiet waħdu ma jirriflettix iż-żidiet kollha fl-ispejjeż li esperjenzaw f’dawn l-aħħar snin il-Maltin, b’mod partikolari fejn jidħlu l-akkomodazzjoni, fejn bosta qed ikollhom jikru għax ma jingħatawx self, u t-trasport (fejn il-vjaġġi twalu, grazzi għall-iffullar tal-pajjiż). Saħansitra r-rikreazzjoni għall-familja llum m’għadhiex possibbli f’pajjiżna, tant li vaganza f’pajjiżna stess saret tiswa aktar mis-safar. Pajjiżna huwa wkoll espost għal kollox għas-suq tal-ikel internazzjonali billi l-produzzjoni lokali, li mhix qed tiġi inkoraġġita biżżejjed, żgur ma tistax tlaħħaq mal-konsum lokali li żdied b’mod drammatiku biż-żieda kbira fil-popolazzjoni. Dan wieħed irid jarah ukoll fil-kuntest ta’ pagi li kważi ma żdiedu xejn għal bosta snin.

Il-Partit Popolari jsejjaħ biex iż-żidiet tal-għoli tal-ħajja jibdew jingħataw skont indiċi li jirrifletti aħjar il-piż ta’ spejjeż essenzjali bħall-akkomodazzjoni u l-ikel fl-infiq totali ta’ persuni u familji bi dħul baxx. Huwa evidenti għal kulħadd li l-mekkaniżmu preżenti, anki jekk jaħdem tajjeb għall-persuni bi dħul medju, mhuwa adegwat xejn għal persuni bi dħul baxx u wassal biex illum huwa totalment impossibbli għal dawn il-persuni biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-ispejjeż l-oħra bażiċi.

Il-Partit Popolari jemmen li l-akbar kontributur għall-għoli tal-ħajja f’Malta hu l-iffullar fil-pajjiż, fejn illum għal kull għadma hawn mitt kelb. Sakemm il-Gvern ma jiħux il-miżuri neċessarji biex ireġġa’ lura t-tkabbir artifiċjali u insostenibbli tal-popolazzjoni, kif ilu jipproponi mit-twaqqif tiegħu l-Partit Popolari, se jkun diffiċli li l-Maltin bi dħul baxx ikunu mill-ġdid jistgħu jgħixu b’dinjità f’pajjiżhom.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-miżuri ambjentali li ġew deċiżi mill-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ftit snin u li se jwasslu għal żidiet kbar fil-prezzijiet kemm tal-akkomodazzjoni kif ukoll tat-trasport matul is-snin li ġejjin, fuq dawk li diġà seħħew. Niddeploraw il-fatt li l-Gvern Malti kien minn ta’ quddiem biex ta l-kunsens tiegħu, u nsejħulu biex jibdel il-politika tiegħu f’dan ir-rigward u jingħaqad ma’ dawk il-vuċijiet fl-Ewropa li jridu li dawn ir-regoli ġodda jittaffew jekk mhux jitneħħew għal kollox.

Fl-aħħar nett, il-Partit Popolari jirrimarka li wieħed mis-sorsi ewlenin tal-inflazzjoni qawwija li qed naraw ġejja mill-politika monetarja tal-Unjoni Ewropea, approvata mill-Bank Ċentrali Malti, li rat stampar ta’ flus bl-addoċċ matul l-aħħar snin f’tentattiv li ma rnexxiex biex tiġi stimulata l-ekonomija. Il-Partit Popolari jsejjaħ lill-Gvern biex jara li l-vuċi ta’ Malta fis-sistema monetarja Ewropea tkun waħda li tiffavorixxi flus sodi u topponi l-istampar bl-addoċċ tal-flus, li jbatu l-aktar minnu l-ħaddiema u dawk bi dħul baxx. Bħal ma għamel fil-passat, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li l-liġijiet tat-taxxa ma jibqgħux jippenalizzaw il-kriptomuniti, biex dawn ikunu jistgħu jservu ta’ alternattiva f’pajjiżna għall-munita ewro li saret sors tal-għoli tal-ħajja minflok tarka kontrih.

Follow by Email
Facebook
Twitter