Stqarrija 31-2023

15/12/2023

Il-Partit Popolari Jiddeplora l-Inkonvenjenti u t-Tbatija bla Bżonn Imposti fuq ir-Residenti tal-Manikata

Il-Partit Popolari jiddeplora t-tbatija li ġiet imposta fuq ir-residenti tal-Manikata minħabba eċċess ta’ traffiku li qiegħed jgħaddi mil-lokalità, b’konsegwenzi negattivi għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti fir-raħal stess kif ukoll biex jivvjaġġaw lejn u mill-bqija tal-pajjiż. Il-Manikata, bil-mod tagħha, hija waħda mill-vittmi tal-popolazzjoni eċċessiva li għandna f’pajjiżna, problema li nħolqot miż-żewġ partiti li jiddominaw il-Parlament Malti, u li mhuma qegħdin jipproponu l-ebda soluzzjonijiet għaliha.

Għalkemm il-problema tat-traffiku fil-lokalità hija waħda strutturali u fit-tul, l-awtoritajiet responsabbli mix-xogħlijiet li saru fit-toroq ta’ madwar il-lokalità matul l-aħħar xhur ma ħadux ħsieb jaraw li dawn ix-xogħlijiet jitlestew fil-ħin u bl-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti. Dan jinkludi wkoll ix-xogħlijiet fiż-żona ta’ Ħal Ferħ, li qegħdin jibblukkaw l-aċċess tar-residenti tal-Manikata għall-bajjiet tal-Mixquqa u ta’ Għajn Tuffieħa.

Il-Partit Popolari jiddeplora wkoll it-telf tal-karattru tar-raħal bl-għoti ta’ permessi għal binjiet li iktar jixirqu fiż-żoni urbanizzati ta’ Malta milli f’villaġġ rurali. B’riżultat ta’ dan qegħdin jintilfu mhux biss il-karattru estetiku tar-raħal iżda wkoll is-sens ta’ komunità li kien igawdi.

Il-Partit Popolari jsejjaħ ukoll biex tiġi indirizzata t-telqa ta’ din il-lokalità min-naħa tal-awtoritajiet, inklużi dawk lokali. Ir-residenti, speċjalment it-tfal u dawk b’mobilità limitata, illum qegħdin isibu diffikultajiet biex imorru minn parti għal oħra tar-raħal bil-mixi, minħabba nuqqas ta’ zebra crossings u faċilitajiet oħra adegwati. Il-konsegwenzi ta’ dan huma agħar issa li żdied daqstant it-traffiku fil-lokalità.

Follow by Email
Facebook
Twitter