Stqarrija 08-2022

24/03/2022

Sensiela ta’ proposti mill-Partit Popolari biex tissaħħaħ il-libertà f’kull qasam

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi sensiela ta’ miżuri maħsuba biex isaħħu l-libertà f’kull qasam.

Il-Partit Popolari qiegħed jimpenja ruħu li jipproteġi l-iktar libertà bażika li għandna u għalhekk jiġġieled kontra kull tentattiv biex jiddaħħal l-abort f’Malta. Qiegħed ukoll jipproponi li l-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni fil-Kostituzzjoni jissaħħaħ billi jiġu b’mod espliċitu projbiti liġijiet li jrażżnuha, inklużi d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar “hate speech” fil-kodiċi kriminali, u liġijiet oħra simili. Se nopponu wkoll l-Equality Act u l-ħolqien tat-tribunal assoċjat magħha, li jkunu jirrappreżentaw tnaqqir kbir tal-libertà tal-kuxjenza u tal-libertà personali taċ-ċittadini Maltin.

Qegħdin nipproponu sensiela ta’ riformi li jsaħħu l-libertà politika, l-ewwel nett billi jinġiebu lura setgħat minn Brussell, biex il-poplu jkun jista’ jiddeċiedi hu stess dwar affarijiet li jikkonċernaw lilu. Qegħdin nipproponu awtonomija sħiħa għal Għawdex u proċess ta’ devoluzzjoni fil-gżira ta’ Malta bbażat fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Qegħdin nipproponu l-użu tar-referendum bħala għodda normali fid-demokrazija tagħna, bħalma hu l-każ fl-Iżvizzera. B’hekk ikun il-poplu u mhux il-politiċi li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jaffettwaw ħajjitna.

Qegħdin inwiegħdu li nirrispettaw il-libertà medika u, b’mod partikolari, niġġieldu kontra kull tentattiv ta’ impożizzjoni ta’ mediċini fuq il-pubbliku, inklużi l-vaċċini tal-Covid-19. F’dan ir-rigward, naraw li kull individwu jkun jista’ jiddeċiedi hu dwar x’mediċini u trattamenti jieħu. Qegħdin nimpenjaw ruħna li nneħħu l-hekk imsejjaħ “green pass” u li naraw li l-ebda għodda diskriminatorja bħal din ma terġa’ tiddaħħal.

Qegħdin nipproponu tisħiħ tal-libertà ekonomika. Qegħdin nipproponu li l-kriptomuniti jkunu jistgħu jintużaw bħala flus f’Malta, mingħajr ma s-sistema tat-taxxa sservi bħala ostaklu li jagħmel l-użu tagħhom impossibbli. Qegħdin nipproponu liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, fejn il-monopolju tal-Istat wassal għal tant abbużi u ineffiċjenzi. Qegħdin nipproponu wkoll tnaqqis mhux biss fl-income tax għall-azjendi, imma wkoll f’dik għall-individwi.

Qegħdin fuq kollox inwiegħdu li f’kull deċiżjoni li nieħdu nagħtu piż xieraq lil-libertà.

Follow by Email
Facebook
Twitter