Stqarrija 32-2023

16/12/2023

Il-Partit Popolari Jopponi t-Tentattivi Kontinwi għal Żvilupp Mhux Xieraq f’Santa Luċija

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tirrakkomanda l-approvazzjoni ta’ żvilupp ta’ ħames sulari u b’densità qawwija fuq art mhux mibnija f’żona f’Santa Luċija fejn m’hemm l-ebda bini tal-istess għoli, u li se jkollu impatt kbir fuq l-integrità estetika u fuq il-karattru ta’ dan ir-raħal.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-residenti tal-lokalità esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp kemm direttament kif ukoll permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Lokali, iżda jidher li dawn qegħdin jiġu injorati. Il-Partit għalhekk jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mar-residenti u mal-Kunsill ta’ din il-lokalità, kif ukoll ma’ ħafna oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

Il-Partit Popolari jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-politika tal-ippjanar li ma tagħmilx biżżejjed distinzjoni bejn bliet u rħula, u tittratta lil dawn tal-aħħar daqs li kieku kienu sobborgi bla identità. Għalhekk isejjaħ biex il-politika li ġiet iddikjarata dan l-aħħar mill-Gvern li Għawdex jiġi trattat bħala gżira ta’ villaġġi tiġi estiża wkoll għaż-żoni mhux urbanizzati ta’ Malta.

Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li tiġi indirizzata minnufih ir-rabta mill-qrib bejn is-settur tal-kostruzzjoni u l-partiti politiċi tradizzjonali, li jirċievu parti kbira mill-finanzjament tagħhom mingħandhom. F’dan il-każ partikolari, il-problema hija miżjuda mill-fatt li l-perit tal-proġett huwa d-Deputat Mexxej tal-partit fil-gvern.

Il-Partit Popolari jipproponi, kif kien għamel diġà fil-programm elettorali tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2022, li l-Kunsilli Lokali jkollhom id-dritt tal-veto fuq kull żvilupp fil-lokalità tagħhom. Inġeddu wkoll il-proposta tagħna li l-Kunsilli Lokali jingħataw ferm aktar poteri wkoll f’oqsma oħra, biex kemm jista’ jkun iċ-ċittadini jingħataw vuċi ferm akbar fit-tmexxija tal-lokalitajiet tagħhom. Qegħdin nipproponu wkoll li dawn is-setgħat tal-Kunsilli jitnaqqxu wkoll fil-Kostituzzjoni, biex ebda gvern ma jkun jista’ jmisshom.

Follow by Email
Facebook
Twitter