13/07/2024
Is-Soluzzjoni għall-Problema tal-Iffullar f’Pajjiżna mhijiex Aktar Bini Iżda Bidla fil-Mudell Ekonomiku
Il-Partit Popolari jirreferi għall-istatistika ppubblikata din il-ġimgħa li wriet li l-popolazzjoni ta’ Malta reġgħet żdiedet b’21,000 f’sena waħda u issa laħqet il-563,443 persuna. Il-Partit Popolari jinnota bi tħassib partikolari li din iċ-ċifra kienet tinkludi l-wasla f’Malta ta’ 42,000 immigrant (jiġifieri 7.7% tal-popolazzjoni fil-bidu tas-sena l-oħra) u t-tluq minn Malta ta’ 21,000 persuna, li 1,700 minnhom huma żgħażagħ Maltin. Dawn iċ-ċifri huma fost l-ogħla li qatt rajna f’pajjiżna.
Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tkabbir demografiku mhuwiex wieħed organiku u bl-ebda mod ma huwa indikazzjoni tas-saħħa tas-soċjetà Maltija. Ir-rata tal-fertilità ta’ Malta tibqa’ l-iktar waħda baxxa fl-Ewropa, u hija mistennija li tkompli tonqos. Fl-istess ħin, studji oħra sabu li 70% taż-żgħażagħ Maltin qegħdin jikkunsidraw serjament li jitilqu minn pajjiżna. Filwaqt li l-popolazzjoni qiegħda tiżdied b’mod drammatiku, il-poplu tagħna qiegħed jispiċċa b’rata xejn inqas drammatika.
Il-Partit Popolari jsejjaħ biex minflok il-problema tinħeba billi sempliċiment jiżdied il-bini u jinbnew iktar toroq u flyovers, nindirizzaw l-għerq tal-problema, li hija l-ekonomija tal-pagi baxxi. Filwaqt li huwa faċli ħafna li wieħed ikabbar l-ekonomija billi jneħħi kull restrizzjoni fuq it-tkabbir tal-forza tax-xogħol minn pajjiżi bi dħul baxx, l-effett ta’ dan huwa ekonomija li mhija xejn adattata għal pajjiżna bid-daqs limitat tiegħu, u li qiegħda tkisser minflok tgħin liż-żgħażagħ Maltin. Il-Partit Popolari ilu għal dawn l-aħħar snin jinsisti li dan il-mudell ekonomiku għandu jiġi żarmat b’mod gradwali, permezz ta’ żidiet sostanzjali fil-paga minima, kif ukoll billi jiġi ffriżat ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin li ma jinsabux diġà f’Malta. Jekk ma jsirx dan, għall-ftit tkabbir ekonomiku li qegħdin naraw se nħallsu bil-qerda tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna stess.
Il-Partit Popolari qiegħed jappella għal waqfien għall-proġetti ta’ kostruzzjoni kbar barra miż-żona urbana ewlenija ta’ Malta. Minbarra l-effett negattiv estetiku u fuq il-kwalità tal-ħajja li dan qed jikkawża, iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-irħula li qiegħda tirriżulta qiegħda tirrovina l-karattru tal-irħula tagħna u ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar nett, il-Partit Popolari qiegħed isejjaħ ukoll għal appoġġ ferm akbar għall-familji żgħażagħ Maltin li jixtiequ jkollhom it-tfal, fosthom sussidji sostanzjali biex ikunu jistgħu jixtru d-dar tagħhom u rikonoxximent finanzjarju għall-kontribut li jagħtu l-ommijiet li jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb lill-uliedhom. Huwa biss il-qawmien mill-ġdid tal-familja Maltija li jista’ jagħti futur lill-poplu tagħna.