Stqarrija 27-2024

29/06/2024

Il-Partit Popolari Jsejjaħ lill-Gvern biex Jagħti Paga u Kundizzjonijiet Xierqa lill- Għalliema tal-MCAST

Il-Partit Popolari jinnota bi tħassib il-kriżi li ilha għaddejja għal bosta ġimgħat fl-MCAST fejn in-nuqqas li jintlaħaq ftehim dwar il-kundizzjonijiet tal-għalliema wassal għal tilwima industrijali li minħabba fiha ntlaqtu ħażin l-istudenti proprju fiż-żmien tal-eżamijiet tagħhom.

Il-Partit Popolari jemmen li l-edukazzjoni hija qasam tal-ogħla importanza għall-futur ta’ pajjiżna u li prekundizzjoni essenzjali għal sistema tal-edukazzjoni b’saħħitha huma għalliema professjonali li jiġu trattati bħala professjonisti u mogħtija pakkett ta’ ħlas u kundizzjonijiet li jirriflettu dan l-istatus.

Il-Partit Popolari jinnota li l-Gvern jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku li seħħ f’pajjiżna, iżda jinnota wkoll li m’hemm l-ebda rieda min-naħa tal-istess Gvern biex jgħolli l-pagi b’mod li jirrifletti t-tkabbir fl-ekonomija jew biex joħloq il-kundizzjonijiet biex il-pagi jiżdiedu billi jenfasizza mudell ekonomiku bbażat fuq edukazzjoni aħjar li twassal għal produttività akbar.

Il-Partit Popolari jinsab imħasseb ukoll dwar data tal-Eurostat li ħarġet din il-ġimgħa li turi li Malta għandha waħda mill-akbar rati ta’ persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni fl-Ewropa, fejn 40.8% tal-popolazzjoni ma ħadux edukazzjoni post-sekondarja. Dan minkejja li l-budget għall-edukazzjoni huwa wieħed relattivament għoli, li juri li flus il-poplu qegħdin jintefqu b’mod li mhuwiex qiegħed iwassal għall-għan finali ta’ popolazzjoni edukata aħjar u aktar imħejjija għall-ekonomija u d-dinja ta’ llum.

Il-Partit Popolari għalhekk itenni s-sejħa li għamel fil-programm elettorali tiegħu biex l-għalliema, inklużi dawk tal-MCAST, jingħataw l-istess paga u kundizzjonijiet ekwivalenti għal professjonisti oħra ta’ livell għoli f’pajjiżna. Fl-istess ħin jipproponi li jieqaf il-ħela ta’ flus fil-qasam tal-edukazzjoni fuq il-promozzjoni ta’ ideoloġiji li ma jikkontribwixxu xejn għall-edukazzjoni, u li persentaġġ akbar tal-budget jintefaq fuq l-oqsma li tassew jagħmlu differenza għall-futur tal-istudenti. Jipproponi b’mod partikolari li l-MCAST, li huwa istituzzjoni li tagħti edukazzjoni f’oqsma essenzjali għall-futur ta’ pajjiżna, jingħata l-finanzjament u l-importanza li jixraqlu.

Follow by Email
Facebook
Twitter