Stqarrija 26-2024

22/06/2024

Il-Partit Popolari Isejjaħ biex Tieqaf l-Indottrinazzjoni tat-Tfal fl-Iskejjel

Il-Partit Popolari jingħaqad mal-Partit Abba u mal-Moviment Solidarjetà f’sejħa biex jieqfu t-tentattivi ta’ indottrinazzjoni ta’ wliedna fl-iskejjel, l-aktar dwar il-kwistjoni tal-ġeneri. Dan wara li anki issa li qiegħda tintemm is-sena skolastika baqgħu jidhru rapporti fuq il-media soċjali dwar l-insistenza mill-għalliema u l-awtoritajiet f’ċerti skejjel biex ma jintużawx il-pronomi maskili u femminili kif suppost imma li l-ġeneru tat-tfal jintefa’ f’dubju.

Il-Partit Popolari jemmen li mhuwiex il-kompitu tal-iskejjel jew tal-istat li jippruvaw jiffurmaw l-identità personali tat-tfal iżda li dawn għandhom jillimitaw ruħhom biss għat-tagħlim akkademiku. Ir-responsabbiltà għat-trobbija tat-tfal hija xi ħaġa li għandha tibqa’ f’idejn il-ġenituri u m’għandha qatt tinħataf mill-istat.

Il-Partit Popolari huwa daqstant ieħor imħasseb bl-indottrinazzjoni li qiegħda sseħħ fl-Università ta’ Malta, b’mod partikolari fl-hekk-imsejħa Faculty of Social Wellbeing li qiegħda tuża flus il-poplu kollu mhux biex teduka iżda biex tippromwovi perspettiva waħda u estrema ta’ kif għandha tkun is-soċjetà. Din il-fakultà qiegħda wkoll f’dawn il-ġranet tisparpalja flus il-poplu f’riklami biex aktar żgħażagħ jidħlu jagħmlu l-korsijiet ideoloġiċi tagħha, ħaġa li ma ssir minn ebda fakultà oħra.

Il-Partit Popolari jsejjaħ lill-Gvern biex fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qiegħda twissih biex jaqta’ l-ħela u jnaqqas id-defiċit u d-dejn ma jkomplix jippompja l-flus fi proġett bħall-Faculty of Social Wellbeing li ma tagħti lura xejn lis-soċjetà ħlief ħsara u attakki fuq il-familja li hi l-futur ta’ pajjiżna.

Fl-aħħar nett, il-Partit Popolari jsejjaħ lill-ġenituri biex ikunu huma stess l-ewwel linja ta’ difiża kontra min jipprova jwettaq brainwashing fuq uliedhom. L-eżistenza ta’ għaqdiet tal-ġenituri li huma attivi f’dan il-qasam, bħall-Parents and Children’s Rights Association u l-Malta Children’s Defence Movement hija ta’ inkoraġġiment u toffri opportunità għall-ġenituri biex jgħaqqdu l-forzi tagħhom kontra min qiegħed jabbuża mill-awtorità biex jilħaq skop ideoloġiku.

Follow by Email
Facebook
Twitter