Stqarrija 26-2023

01/11/2023

Opportunità Mitlufa biex Jiġu Indirizzati l-Problemi l-Kbar tal-Pajjiż

Il-Partit Popolari jesprimi d-diżappunt tiegħu għal budget ‘business as usual’ li tilef l-opportunità li jibda jindirizza l-problemi kbar li qiegħed jiffaċċja pajjiżna, b’mod partikolari l-mudell ekonomiku li falla u li kissrilna pajjiżna, u l-kriżi demografika u tal-familji żgħażagħ.

Il-Partit Popolari jinnota li ż-żidiet fil-paga minima matul l-erba’ snin li ġejjin se jkomplu jkunu minimi, minkejja ż-żidiet sostanzjali għall-għoli tal-ħajja, li madankollu jirriflettu biss parti miż-żidiet fil-prezzijiet li seħħew matul l-aħħar snin. Dan ifisser li l-ekonomija tal-pagi baxxi se tkompli għaddejja mill-anqas għall-erba’ snin li ġejjin, bir-riskju li l-effetti tagħha jsiru irreversibbli.

Il-Partit Popolari jiddeplora n-nuqqas ta’ strateġija fejn jidħol it-tiġdid tal-mudell ekonomiku tagħna. Filwaqt li nnaqqsu l-ekonomija tal-pagi baxxi, huwa meħtieġ li nsibu mudell ekonomiku ġdid, u dan il-budget ma ppreżenta l-ebda strateġija kif se jsir dan. Minkejja li ddaħħlu u ssaħħu xi miżuri tajbin li jinkoraġġixxu l-istart ups, fosthom il-ħolqien ta’ venture capital fund, ma jidher li hemm l-ebda strateġija ħolistika biex tinbena ekosistema ta’ innovazzjoni, ħaġa li mhijiex se sseħħ waħedha sempliċiment billi wieħed joffri ammonti żgħar ta’ self jew ħelsien mit-taxxa.

Il-Partit Popolari jiddeplora wkoll in-nuqqas ta’ viżjoni fejn tidħol il-problema li qed jiffaċċjaw familji żgħazagħ bit-tfal, li qed ikollha wkoll konsegwenzi kbar demografiċi għal pajjiżna. Iż-żidiet fiċ-children’s allowance huma tajbin, iżda waħedhom mhumiex biżżejjed biex jaffettwaw ix-xejriet demografiċi mwiehra ta’ pajjiżna. L-għajnuniet għax-xiri ta’ djar ukoll baqgħu limitati ħafna fl-allokazzjoni totali tagħhom, u mhumiex immirati speċifikament għal familji bit-tfal, kif kien propost mill-Partit Popolari. Għalhekk, l-effett tagħhom fuq il-vijabilità tal-familji ġodda Maltin se jibqa’ jkun limitat ħafna.

Rigward is-sistema tal-għajnuniet soċjali, għal darb’oħra l-Gvern tilef l-opportunità li jissostitwixxi s-sistema kaotika eżistenti b’waħda aktar sempliċi u li tista’ tinftiehem minn kulħadd, inkluż mill-utenti tagħha. Komplew jiżdiedu l-kategoriji u l-eċċezzjonijiet, u għalhekk l-opportunitajiet biex is-sistema tiġi abbużata. Se jkomplu wkoll l-hekk-imsejħa ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa li la huma tassew rifużjoni tat-taxxa u lanqas forma ta’ għajnuna soċjali maħsuba sew u effettiva, iżda biss tentattiv ta’ xiri ta’ voti li ma jikkonvinċi lil ħadd.

Minkejja żidiet fil-pensjonijiet u tiswija parzjali ħafna ta’ xi inġustizzji (fosthom dawk tal-pensjonijiet tas-servizzi) maħluqa minn gvernijiet tal-passat, fosthom Laburisti, il-Gvern għal darb’oħra naqas milli jindirizza l-fatt li s-sistema tal-pensjonijiet stess kif inhi bħalissa mhijiex sostenibbli, hekk kif in-numru ta’ pensjonanti qed jiżdied minn sena għall-oħra. Il-Gvern ma ħabbar l-ebda tibdil għas-sistema pay-as-you-go, li tfisser li l-bolol u l-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi u tal-Gvern mhumiex ikkalibrati biex iżommu s-sistema f’bilanċ, u mhumiex qegħdin jiġu investiti iżda minfuqa mill-Gvern fuq il-budget ġenerali tiegħu.

Il-budget kellu wkoll aspetti tajbin, bħall-idea li Għawdex jiġi trattat bħala gżira ta’ villaġġi, imma dan qed isir fil-kuntest ta’ qerda kbira tal-ambjent Għawdxi f’dawn l-aħħar snin u li għadha għaddejja bl-istess pass sa llum. L-għajnuniet u inċentivi għall-bdiewa u s-sidien tal-art agrikola huma wkoll tajbin, iżda mhumiex ambizzjużi biżżejjed u huma nieqsa wkoll minn viżjoni ħolistika u strateġika biex l-agrikoltura f’Malta terġa’ ssir vijabbli u nkunu nistgħu wkoll niksbu grad ta’ sigurtà alimentari li bħalissa m’għandniex.

Follow by Email
Facebook
Twitter