Stqarrija 25-2023

28/10/2023

Il-Partit Popolari Jippreżenta Mudell Ekonomiku Alternattiv għal dak tal-Pagi Baxxi (Budget 2024)

Il-Partit Popolari, f’din l-aħħar konferenza stampa tiegħu qabel id-diskors tal-budget, li qiegħda mill-ġdid issir flimkien mal-Koordinatur tal-Moviment Solidarjetà Edwin Vassallo, qiegħed jippreżenta viżjoni ta’ kif tista’ titfassal mill-ġdid l-ekonomija ta’ pajjiżna, b’mod li jagħmel sens għad-daqs ta’ pajjiżna u li jġib benefiċċji kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-imprendituri.

Il-punt fundamentali fil-viżjoni ekonomika tal-Partit Popolari huwa li Malta għandha tikkompeti billi tipprovdi valur miżjud ogħla, minflok fuq il-prezz, jiġifieri fuq il-pagi baxxi. Il-Partit Popolari jemmen li pajiżna għandu jsegwi l-mudell ta’ pajjiżi ta’ daqs żgħir jew medju bħal Singapore, l-Iżvizzera u Iżrael, li rnexxielhom joħolqu ekosistema ta’ innovazzjoni li tinkoraġġixxi l-imprenditorija innovattiva u wkoll attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Dawn il-pajjiżi jirreġistraw numru sproporzjonat ta’ patents għal skoperti u innovazzjonijiet, filwaqt li jospitaw start-ups innovattivi li jikkompetu ma’ azjendi ta’ pajjiżi ferm ikbar. Dan qed jagħmluh mhux biss permezz ta’ inċentivi fiskali, iżda wkoll permezz ta’ strateġija maħsuba, fejn jiġu identifikati setturi partikolari ta’ valur miżjud għoli u tinħoloq ekosistema sħiħa għalihom.

Wieħed mill-elementi nieqsa biex isseħħ din it-trasformazzjoni hija l-Università ta’ Malta, li għadha tisparpalja ħafna mir-riżorsi limitati tagħha fuq fakultajiet politiċizzati u improduttivi, bħalma hi l-Faculty of Social Wellbeing, minflok issaħħaħ it-tagħlim f’oqsma ta’ importanza ewlenija għall-iżvilupp tal-pajjiż u trawwem l-intraprenditorija u l-innovazzjoni fost l-istudenti, li għadhom fost l-agħar fid-dinja żviluppata. Din il-ġimgħa stess ġie rrappurtat li l-Università ta’ Malta waqgħet mijiet ta’ postijiet fil-klassifika internazzjonali tal-universitajiet tat-Times Higher Education f’oqsma ewlenin bħall-computer sciences u l-mediċina.

Fl-istess waqt, il-Partit Popolari jemmen li b’mod parallel mal-bini ta’ ekonomija ġdida bbażata fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u attivitajiet oħra b’valur miżjud għoli, trid tiġi żarmata gradwalment ħafna mill-ekonomija eżistenti li hi bbażata fuq il-pagi baxxi. Huwa żball li wieħed jaħseb li dawn iż-żewġ ekonomiji jistgħu jikkoeżistu. Dan għaliex l-ekonomija tal-pagi baxxi tnaqqas ferm il-kwalità tal-ħajja li hija element fundamentali biex it-talent ta’ livell għoli tagħna, kif ukoll investituri u imprendituri barranin, ikunu jridu jibqgħu jew jistabbilixxu ruħhom f’pajjiżna. Għalkemm iż-żewġ partiti l-kbar dan l-aħħar qegħdin jibdew jagħrfu huma wkoll din il-ħtieġa, għallinqas fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, se jkun diffiċli ferm għalihom biex jimplimentaw politika bħal din fil-prattika, billi t-tnejn li huma jġibu l-biċċa l-kbira tal-finanzjament tagħhom mingħand imprendituri li l-mudell ekonomiku tagħhom huwa dak tal-pagi baxxi.

Follow by Email
Facebook
Twitter