Stqarrija 24-2023

23/10/2023

Il-Partit Popolari Jsejjaħ lill-Gvern biex Jerfa’ r-Responsabbiltà Politika għall-Frodi tal-Privatizzazzjoni tal-Isptarijiet

Il-Partit Popolari jieħu nota tal-gravità tad-deċiżjoni ta’ llum tal-Qorti tal-Appell fil-każ tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi li sabet kollużjoni bejn il-Gvern u l-kumpanija Steward fit-twettiq ta’ frodi kontra l-interessi taċ-ċittadini.

Il-Partit Popolari jinnota wkoll dak li sabet il-Qorti, li l-Gvern mhux biss ma ħarisx l-interessi taċ-ċittadini tiegħu meta daħal fil-ftehim, iżda kompla sal-aħħar mument iħares l-interessi ta’ Steward minflok dawk leġittimi tal-poplu. Dan ukoll wara li nbidel il-Prim Ministru u bosta membri tal-Kabinett.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li dan mhuwiex biss każ ta’ amministrazzjoni inkompetenti iżda saħansitra ta’ frodi, u fid-dawl ukoll tal-fatt li l-Prim Ministru u l-Kabinett preżenti għamlu tagħhom u komplew jiddefendu dak li għamlu ta’ qabilhom, il-Partit Popolari qiegħed isejjaħ lill-Prim Ministru u lill-ministri responsabbli biex jerfgħu r-responsabbiltà politika tagħhom u jirriżenjaw mill-karigi tagħhom, sabiex iċ-ċittadin ikun jista’ jerġa’ jibda jikseb il-fiduċja f’dawk li suppost qegħdin jirrappreżentaw l-interessi tiegħu.

Il-Partit Popolari jeżiġi wkoll li jsir tentattiv serju u trasparenti biex issir ġustizzja ma’ dawk responsabbli għal din il-frodi billi, jekk ma tintemmx il-kultura tal-impunità għall-politiċi, se nkomplu naraw episodji oħra bħal dan fil-futur. Jeżiġi wkoll biex isir tentattiv serju u trasparenti biex jinkisbu lura l-mijiet ta’ miljuni mitlufa mill-poplu Malti minħabba din il-frodi, li jammontaw għal kważi elf ewro għal kull ċittadin.

Il-Partit Popolari jifraħ lil Dott Adrian Delia għall-kisba li hu għamel għal pajjiżna u jfakkar li din kienet ġlieda li sa ftit ilu Dott Delia ġġelidha waħdu, mingħajr l-appoġġ tal-partit tiegħu, li llum qiegħed jipprova jirkeb fuq dan il-karru.

Follow by Email
Facebook
Twitter