06/06/2024
Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Proposti Tiegħu għal-Lokalità tal-Mellieħa u Jagħlaq il-Kampanja Tiegħu għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2024
Il-Partit Popolari jemmen li hija meħtieġa oppożizzjoni b’saħħitha għall-iżvilupp sfrenat li jinsab għaddej fil-lokalità tal-Mellieħa. Il-Kunsill preżenti, immexxi mill-partit fil-gvern responsabbli għal dawn il-permessi, u bil-preżenza tal-partit tal-oppożizzjoni li hu wkoll iffinanzjat mill-istess żviluppaturi, mhuwiex qiegħed isemma leħnu biżżejjed.
Il-Partit Popolari jemmen ukoll li, filwaqt li huwa naturali li l-Mellieħa tiġbed it-turisti, il-prijorità għandha tibqa’ r-residenti u l-ħarsien tas-sbuħija naturali tal-lokalità. Għalhekk nopponu deċiżjonijiet oxxeni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar proġetti bħal dawk tal-Mellieha Bay Hotel u l-vilel fuq il-Miżieb u l-iżvilupp ta’ 11-il sular bejn Triq Tunbrell u Triq id-Denċi. Nemmnu li l-Kunsill għandu jikkonsulta lir-residenti dwar dawn il-proġetti biex l-oppożizzjoni tiegħu jkollha s-saħħa meħtieġa.
Nopponu t-teħid ta’ spazju pubbliku minn imwejjed ta’ stabbilimenti tal-catering fil-lokalità u nemmnu wkoll li għandha ssir oppożizzjoni soda għat-tuna pen li qiegħda tniġġes il-kosta tal-Mellieħa. Jekk din l-attività ma tistax issir f’post ieħor fejn tagħmel inqas ħsara, m’għandhiex titħalla topera.
Il-Partit Popolari jisħaq li l-Kunsill għandu jibda jagħmel sforz ukoll biex ikun iktar trasparenti u jikkomunika aħjar maċ-ċittadini. Għandu jara li fuq is-sit tiegħu jkunu disponibbli l-minuti tal-laqgħat, rapporti annwali u r-rapporti dwar kif qed jintefqu l-flus. Bħalissa dan mhuwiex il-każ.
Nemmnu wkoll li wasal iż-żmien li jibdew isiru konsultazzjonijiet regolari maċ-ċittadini dwar deċiżjonijiet importanti li jaffettwawhom. F’bosta każijiet, fosthom f’dak tal-playground tal-Manikata, dan ma sarx, bir-riżultat li l-proġett mhuwiex qiegħed jaqdi l-ħtiġijiet taż-żona kif ippjanat.
Irridu li ż-żona tal-Manikata ma tibqax titqies bħala żona tat-tieni klassi. Għal dawn l-aħħar tliet snin, iż-żona kienet affettwata minn xogħlijiet u Triq il-Biedja baqgħet qatt ma ġiet lura kif kienet. Ma jistax ikun lanqas li din iż-żona li xi darba kienet trankwilla issa qiegħed jgħaddi minnha ħafna mit-traffiku li jkun sejjer lejn iċ-Ċirkewwa. Hemm bżonn ukoll li t-tindif ta’ din iż-żona jerġa’ jibda jsir b’mod regolari.
Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li l-Kunsill imexxi inizjattiva biex il-fortizza ta’ Selmun, li hi l-unika tat-tip tagħha f’pajjiżna, tiġi rrestawrata u użata għal skopijiet kulturali u turistiċi.
F’għeluq din il-kampanja elettorali, il-Partit Popolari qiegħed isejjaħ lill-elettorat biex jagħżel Kunsilliera li mhumiex affiljati mal-partiti l-kbar, biex b’hekk ikun irrappreżentat minn nies li huma ħielsa mill-kunflitti tal-interessi li ġġib magħha l-appartenenza għall-partiti l-kbar. Huwa jsejjaħ ukoll lil dawk kollha li se jkunu eletti fil-Kunsilli Lokali biex ikunu l-vuċi taċ-ċittadini fil-lokalità tagħhom u jiddefendu l-prinċipju tas-sussidjarjetà, ukoll meta dan ikun mhedded mill-gvern ċentrali jew mill-Unjoni Ewropea, u jagħmlu dan minkejja l-pressjoni min-naħa tal-partit tagħhom biex jikkonformaw.