Stqarrija 21-2024

01/06/2024

Il-Partit Popolari Jipproponi Viżjoni tal-Kunsilli Lokali bħala l-Għassiesa tal-Gvern Nazzjonali u Jippreżenta l-Proposti Tiegħu għal-Lokalità tal-Ħamrun

Il-Partit Popolari qiegħed jieħu l-okkażjoni tal-elezzjonijiet lokali 2024 biex jippreżenta l-viżjoni tiegħu dwar Kunsilli Lokali li jkunu l-vuċi ewlenija taċ-ċittadin, minkejja t-tentattivi li saru biex jitnaqqsu s-setgħat tagħhom u biex dawn isiru biss eżekuturi tar-rieda tal-gvern ċentrali.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li l-Kunsilli jkunu l-ewwel nett għassiesa tal-gvern ċentrali fuq il-kwistjonijiet tal-iżvilupp, fejn il-partiti rrappreżentati fil-Parlament assolutament ma jistgħux jiġu fdati biex jiddefendu l-interessi taċ-ċittadini, billi huma stess jitħallsu mill-iżviluppaturi u negozjanti oħra. Fi ftit każijiet matul l-aħħar snin rajna sindki u kunsilliera kuraġġużi li kienu lesti li jiksruha mal-partit tagħhom biex jopponu pjanijiet ta’ żvilupp mhux xierqa fil-lokalitajiet tagħhom, u nemmnu li dan għandu jsir ir-regola u mhux jibqa’ biss l-eċċezzjoni. Bħala eżempju, hawnhekk fil-Ħamrun, il-Partit Popolari se jkun qiegħed jopponi kull tentattiv biex is-sit tal-fabbrika tal-ħalib jiġi żviluppat f’appartamenti meta din ma tibqax topera minn hemmhekk, iżda se jagħmel pressjoni biex din tiġi żviluppata f’park pubbliku li huwa għal kollox nieqes f’din il-lokalità.

Il-Partit Popolari jemmen ukoll li l-kunsilliera għandhom ikunu l-vuċi taċ-ċittadini wkoll fejn jidħlu kwistjonijiet marbuta mal-ekonomija tal-pagi baxxi u l-konsegwenzi li din iġġib magħha b’mod partikolari f’ċerti lokalitajiet bħal dik tal-Ħamrun, li ninsabu fiha llum. Nemmnu li l-Kunsilli għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku għal nuqqasijiet tal-awtoritajiet nazzjonali fl-infurzar tar-regoli fejn jidħol ix-xogħol u n-negozju, kif ukoll l-iffullar ta’ proprjetajiet residenzjali mikrija, ħaġa li hija partikolarment importanti f’din il-lokalità fejn ninsabu.

Nemmnu wkoll li l-Kunsilli għandhom ikunu l-vuċi taċ-ċittadini fi kwistjoni oħra li tolqot il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, li hi l-ordni pubbliku. Proprju hawnhekk fil-Ħamrun, din il-kwistjoni wkoll hija relevanti ħafna. Bħala eżempju, il-Pjazza Fra Diegu, li kienet iċ-ċentru soċjali ewlieni tal-Ħamrun illum saret ambjent ostili għar-residenti lokali.

Biex il-Kunsilli jkunu jistgħu jwettqu dan ir-rwol ta’ għassiesa tal-gvern ċentrali, il-Partit Popolari jħeġġeġ lil-elettorat biex jikkunsidra li jagħti l-fiduċja tiegħu lil kandidati indipendenti u tal-partiti ż-żgħar, li huma ħielsa mir-rabtiet lejn is-sistema korrotta taż-żewġ partiti tradizzjonali.

Il-Partit Popolari huwa kburi li fil-lokalità tal-Ħamrun qiegħed jipproponi bħala kandidat lil Joe (Giuseppe) Aquilina, li ilu s-snin jaħdem fuq il-problemi partikolari li tiffaċċja din il-lokalità, l-aktar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni bla rażan, tal-ekonomija tal-pagi baxxi u d-dritt taċ-ċittadini lokali li jkomplu jgħixu l-ħajja tagħhom mingħajr ma din tisfa maqluba ta’ taħt fuq kif qed jiġri minħabba l-immigrazzjoni eċċessiva. Fost ħidmiet oħra, huwa kien organizza l-ġbir ta’ firem għal petizzjoni dwar l-immigrazzjoni, fejn flimkien ma’ sħabu kien ġabar l-appoġġ ta’ aktar minn 48,000 votant imħassba dwar din il-kwistjoni.

Follow by Email
Facebook
Twitter