Stqarrija 21-2022

13/12/2022

Il-Partit Popolari Jfakkar Jum ir-Repubblika b’Enfasi fuq is-Sovranità taċ-Ċittadin

Il-Partit Popolari llum ifakkar jum it-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta, il-jum li fih iċ-ċittadin Malti ħa r-rwol kostituzzjonali tiegħu bħala s-sovran ta’ pajjiżna.

Il-Partit Popolari jippreżenta l-viżjoni tiegħu dwar iċ-ċittadinanza Maltija, ibbażata fuq il-kunċett ta’ sovranità assoluta taċ-ċittadin. Il-Partit Popolari jisħaq li ċ-ċittadin Malti huwa s-sid uniku tal-istat sovran Malti u ta’ Malta daqs kemm huwa s-sid tal-proprjetà tiegħu, iżda li dan id-dritt huwa inaljenabbli u għandu d-dmir li jgħaddih lil uliedu.

Il-Partit Popolari dejjem emmen li ċ-ċittadinanza Maltija għandha tingħata d-dinjità li jixirqilha, u li għandha tinkiseb biss b’dixxendenza jew adozzjoni minn ċittadini Maltin. Għalhekk, il-Partit Popolari jopponi kemm il-bejgħ ta’ passaporti Maltin kif ukoll kull għoti ieħor ta’ ċittadinanza Maltija lil persuni oħra li ma jikkwalifikawx b’dixxendenza jew adozzjoni.

Il-Partit Popolari jemmen ukoll li dmir ewlieni tal-istat Malti huwa li jħares is-sovranità li huwa jamministra fix-xena internazzjonali f’isem iċ-ċittadini sovrani tiegħu. Kull meta Malta ċediet aspetti tas-sovranità tagħha fl-Unjoni Ewropea, għamlet dan għas-spejjeż tas-sovranità taċ-ċittadini tagħha. Il-Partit Popolari se jagħmel ħiltu biex maż-żmien iġib lura dawk l-elementi tas-sovranità li ġew ċeduti minn gvernijiet Maltin lill-Unjoni Ewropa.

Il-Partit Popolari jenfasizza wkoll l-importanza li r-rwol taċ-ċittadin sovran fir-Repubblika ta’ Malta jissaħħaħ ukoll permezz ta’ demokrazija akbar. Għaldaqstant, il-partit jinsisti fuq twessigħ tad-dritt tar-referendum, biex ikopri wkoll trattati internazzjonali, iżda wkoll l-introduzzjoni tar-referendum propożittiv. Fl-istess ħin, qiegħed jipproponi wkoll li l-President tar-Repubblika, li jirrappreżenta s-sovranità li hija taċ-ċittadini kollha, jingħata wkoll setgħat ġodda l-aktar f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżna, kif ukoll li jibda jiġi elett direttament miċ-ċittadini.

Follow by Email
Facebook
Twitter