Stqarrija 20-2024

29/05/2024

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għal Trattament Denju tal-Membri tal-Forzi Armati

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern li jipprova jixtri l-appoġġ tal-membri u eks-membri tal-Forzi Armati li għandhom każ ta’ inġustizzja miftuħ billi offra somma ta’ €3,000 lil kull persuna involuta, irrispettivament minn jekk kienx jistħoqqilhom aktar u irrispettivament mill-merti tal-każ tagħhom.

Il-Partit Popolari jemmen li l-proċess ta’ tiswija tal-inġustizzji kellu jkun wieħed ħafna aktar rapidu u konsistenti. Huwa inspjegabbli kif dan il-proċess dam għaddej għal tant snin, li matulhom inbidlu l-persuni responsabbli u l-formati, u fl-aħħar sar rikors għal dan it-tentattiv biex b’ammont ta’ flus mogħtija qabel l-elezzjonijiet jingħalqu l-każijiet mingħajr ma jiġu studjati kif suppost.

Il-Partit Popolari jinsab imħasseb b’mod partikolari dwar dawk li tassew għandhom każ serju ta’ inġustizzja u minflok ingħataw ġustizzja qed jiġu skoraġġuti milli jkomplu jippruvaw imexxu l-każ tagħhom billi żdiditilhom il-burokrazija li jridu jgħaddu minnha, biex jagħmlu l-appell biex il-każ tagħhom ikun jista’ jkompli. Dan mingħajr ebda indikazzjoni, wisq inqas garanzija, li l-każijiet ġenwini se jiġu indirizzati fi żmien qasir u b’serjetà, u li l-investigazzjonijiet mhumiex sempliċiment se jieqfu u jiġu arkivjati.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, filwaqt li dan il-proċess li ilu għaddej is-snin kien inbeda biex jindirizza inġustizzji ta’ qabel l-2013, il-gvern preżenti wkoll uża l-Forzi Armati bħala għodda għall-pjaċiri u x-xiri tal-appoġġ, b’konsegwenzi negattivi għall-istat ta’ tħejjija tal-Forzi Armati biex jiddefendu lil pajjiżna. Dan f’kuntest ta’ budget għad-difiża li hu ferm anqas minn dak adegwat għad-difiża tal-pajjiż, u li parti sinifikanti minnu qiegħda tintefaq fuq il-pagi ta’ fizzjali li ngħataw promozzjonijiet mhux mistħoqqa għal raġunijiet politiċi.

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu wkoll għall-prattika ta’ għoti ta’ żidiet, rifużjonijiet u ħlas ta’ kumpens qabel l-elezzjonijiet, li qiegħda ssir dejjem aktar sfaċċata minn elezzjoni għal oħra. Il-Partit Popolari jfakkar li dan l-aġir jimmina d-demokrazija u jsejjaħ biex l-elezzjonijiet jiġu miġġielda fuq l-ideat u l-proposti tal-partiti u l-kandidati differenti, ħaġa li f’din l-elezzjoni tista’ tgħid li hija assenti fejn jidħlu ż-żewġ partiti l-kbar.

Follow by Email
Facebook
Twitter