1/12/2022
Il-Partit Popolari jopponi l-proposta tal-Gvern li jiftaħ il-bieb għall-abort f’Malta u jipproponi projbizzjoni tal-abort fil-Kostituzzjoni
Il-Partit Popolari jopponi bil-qawwa l-proposta li qed jagħmel il-Gvern sabiex il-Kodiċi Kriminali jinbidel b’mod li l-abort ma jibqax reat kriminali f’kull każ imma li jsir permissibbli f’numru ta’ ċirkostanzi, li eventwalment jista’ saħansitra jitwessa’ ħafna. Nemmnu li dan huwa tentattiv ċar min-naħa tal-Gvern biex idaħħal l-abort f’pajjiżna mingħajr ma jieħu r-responsabbiltà ta’ din id-deċiżjoni, billi l-liġi hija magħmula b’mod vag biex tkun tista’ tiġi interpretata bl-iktar mod permissiv.
Filwaqt li l-Partit Popolari jemmen fil-valur tal-ħajja tal-omm u fid-dritt tagħha li ħajjitha tiġi salvata b’interventi mediċi meta tkun fil-periklu, ukoll jekk dan iwassal għat-telf tal-ħajja tat-tarbija, huwa ċar li l-proposta tal-Gvern tmur ferm lil hinn minn dan, u tippermetti interpretazzjonijiet li jkunu jfissru d-dħul tal-abort f’Malta. Dan il-proċess preċiż seħħ f’pajjiżi oħra.
Il-Partit Popolari jemmen li l-liġi kif inhi fil-preżent hija l-aħjar garanzija li l-abort ma jidħolx f’pajjiżna, billi hija kategorika u għalhekk ma tistax titnaqqar b’emendi gradwali. Fl-istess waqt, il-liġi preżenti ma wasslet fl-ebda każ għal telf ta’ ħajja ta’ omm, jew biex interventi neċessarji sabiex tiġi salvata l-ħajja tal-omm ma jsirux.
Filwaqt li jifhem u japprezza l-intenzjonijiet tajba ta’ min qed jipproponi emendi għall-Kodiċi Kriminali alternattivi għal dawk tal-Gvern, il-Partit Popolari jemmen li dawn il-proposti alternattivi jistgħu joħolqu qafas li jista’ jiġi emendat fil-futur biex pass pass jidħlu eċċezzjonijiet oħra. Għaldaqstant, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li l-liġi preżenti ma tintmissx, li tkompli tiġi applikata kif qiegħda tiġi applikata u li l-projbizzjoni tal-abort tibqa’ kategorika.
Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li l-projbizzjoni tal-abort tiġi protetta fil-Kostituzzjoni ta’ Malta sabiex ebda gvern preżenti jew futur ma jkun jista’ jimponih b’maġġoranza sempliċi fil-Parlament.