Stqarrija 19-2024

26/05/2024

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għal Mod Demokratiku u Trasparenti kif Jitmexxew il-Lokalitajiet

Il-Partit Popolari jemmen fi twessigħ tad-demokrazija f’pajjiżna, sabiex din ma tibqax xi ħaġa li ssir mill-ftit iżda bil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha.

Il-Partit Popolari qiegħed jimpenja ruħu biex fil-lokalitajiet fejn ikun irrappreżentat fil-Kunsilli jaħdem biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi għal konsultazzjoni u informazzjoni regolari taċ-ċittadini permezz tal-website tal-Kunsill kif ukoll permezz ta’ app apposta li sservi wkoll biex tavża dwar attivitajiet fil-lokalità.

Illum qegħdin f’lokalità fejn il-Kunsill mhuwiex qiegħed jagħmel l-isforz neċessarju biex jikkomunika maċ-ċittadin, wisq inqas li jikkonsultah. Tant hu hekk, li lanqas biss qiegħed jara li l-website tal-Kunsill ikun miżmum tajjeb u aġġornat. Mhux talli wieħed ma jsibx l-informazzjoni li jkollu bżonn hemm dwar l-attivitajiet tal-Kunsill u s-servizzi tiegħu, iżda wieħed isib informazzjoni li m’għandha x’taqsam xejn, li fil-fatt tirrigwarda l-lokalità taż-Żebbuġ f’Għawdex.

Madankollu, rajna wkoll Kunsilli oħra jieħdu azzjonijiet importanti mingħajr ma jinfurmaw, wisq inqas jikkonsultaw liċ-ċittadini. Dan seħħ pereżempju fil-Mosta meta l-Kunsill ipproċeda biex ineħħi siġar li kienu ilhom hemm snin mill-pjazza tal-Mosta mingħajr ma ħadd ġie avżat, u mbagħad kellu jibdel id-deċiżjoni tiegħu wara reazzjoni kuntrarja qawwija miċ-ċittadini.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll referendums lokali fi kwistjonijiet li huma importanti għal-lokalità. Filwaqt li deċiżjonijiet ta’ kuljum jistgħu jittieħdu b’konsultazzjoni sempliċi b’mezzi elettroniċi, proġetti u deċiżjonijiet tal-Kunsill li jaffettwaw b’mod sinifikanti ħafna l-ħajja fil-lokalità għal snin għandhom jiġu sottomessi għal referendum u jkun hemm l-opportunità għaċ-ċittadini li jisimgħu lil dawk li huma favur u kontra d-deċiżjoni u fl-aħħar jagħmlu l-għażla tagħhom.

Il-Partit Popolari jinsisti fuq l-importanza li ċ-ċittadini jitħallew jagħtu l-fehma tagħhom ukoll fuq proġetti ta’ bini privati jew tal-Gvern li jkunu se jaffettwaw lil-lokalità b’mod sinifikanti, anki jekk dawn ma jkunux qegħdin isiru mill-Kunsill innifsu. Dan għaliex dan jagħti direzzjoni lill-Kunsill jekk għandux jopponi l-proġett jew le, u jagħti wkoll aktar saħħa lill-vuċi tal-Kunsill fuq il-kwistjoni, għax ikun jista’ juri li għandu l-poplu tal-lokalità warajh.

Follow by Email
Facebook
Twitter