Stqarrija 19-2023

21/09/2023

Il-Partit Popolari Jipproponi Miżuri biex Niksbu Lura l-Indipendenza Mitlufa

Il-Partit Popolari jsellem lill-patrijotti kollha li ddedikaw il-ħidma tagħhom matul il-ġlieda ta’ aktar minn seklu ta’ pajjiżna biex jikseb l-indipendenza u s-sovranità tiegħu.

Il-Partit Popolari jiddeplora l-fatt li mill-2004 ’l hawn inbeda proċess fejn din l-indipendenza bdiet titnaqqar u, għall-kuntrarju ta’ qabel fejn konna nissieltu biex inġibu lejn xtutna minn Londra aktar setgħat biex inkunu nistgħu niggvernaw lilna nfusna, illum is-suċċessuri politiċi stess ta’ dawk il-patrijotti tal-passat huma minn ta’ quddiem biex iċedu biċċiet dejjem akbar mis-setgħat tal-istat Malti lil Brussell. B’effett ta’ dan, illum f’bosta oqsma għandna inqas setgħa li niddeċiedu aħna milli kellna taħt il-ħakma Ingliża.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li Malta tpoġġi għaliha nnifisha bħala mira politika fit-tul fl-Unjoni Ewropea l-kisba ta’ opt-outs fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, biex għallinqas tkun tgawdi l-istess eżenzjonijiet f’dan il-qasam li għandhom id-Danimarka u l-Irlanda. Għalkemm din tidher li hi mira diffiċli, dan seta’ jingħad ukoll għall-kisba tal-indipendenza, li setgħet tinkiseb biss bi pjanar fit-tul u b’deċiżjonijiet tajba fil-mument xieraq.

Il-Partit Popolari jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li ssir ħidma fit-tul fl-Unjoni Ewropa biex jinġieb lura d-dritt tal-veto fejn intilef, filwaqt li jiġi protett il-veto fejn għadu ma ntilifx. Niddeploraw il-fatt li matul kważi 20 sena ta’ sħubija d-dritt tal-veto Malti ma ntuża lanqas darba, u kienu biss ftit il-każijiet fejn il-Gvern Malti vvota kontra leġiżlazzjoni proposta. Ninsistu li minflok jagħti l-kunsens tiegħu għal kull ħaġa li tiġi proposta, il-Gvern Malti japprova biss leġiżlazzjoni Ewropea li tkun essenzjali u li ma tkunx tinterferixxi fl-affarijiet interni tagħna.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li ma tibqax tittajjar il-bandiera tal-Unjoni Ewropea fuq bini pubbliku Malti flimkien ma’ dik Maltija, billi mhuwiex xieraq li aħna stess nimminaw l-istatus tagħna bħala stat sovran li ma jifforma parti minn ebda stat ieħor.

Follow by Email
Facebook
Twitter