Stqarrija 19-2022

21/11/2022

Il-Partit Popolari Jfakkar it-Tieni Anniversarju mit-Twaqqif Tiegħu u l-167 Sena mit-Twelid tal-Kap tal-Ewwel Partit Popolari

Il-Partit Popolari jfakkar it-tieni anniversarju mit-twaqqif tiegħu, li matulhom huwa beda jistabbilixxi ruħu bħala l-punt ta’ riferiment ewlieni tal-Maltin kollha li jħaddnu ġabra ta’ valuri li ma jinbidlux ma’ kull moda, u li fuqhom inbniet is-soċjetà tagħna – jiġifieri dawk tal-familja, in-nazzjon u l-libertà.

Fost il-kisbiet tal-partit matul l-ewwel sentejn tiegħu hemm il-bini ta’ strutturi interni li jippermettulu jipproduċi pożizzjonijiet politiċi rriċerkati u maħsuba tajjeb, ibbażati fuq il-prinċipji tiegħu u jikkomunika b’mod effettiv mal-pubbliku u mal-membri tiegħu. Il-partit affronta wkoll l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħu, li fiha stabbilixxa ruħu bħala r-raba’ l-akbar partit f’Malta. Il-Partit Popolari huwa kburi bis-sehem tiegħu fi ġlidiet ewlenin f’pajjiżna matul l-eżistenza tiegħu, mhux l-anqas dwar il-Liġi tal-Ugwaljanza proposta mill-Gvern u l-impożizzjoni ta’ vaċċin li kellu jkun volontarju. F’dawn il-ġlidiet importanti, il-Partit Popolari kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, u dawn il-proposti tal-awtoritajiet jew twarrbu jew tneħħew wara ftit minnhom stess. Iddefendejna wkoll id-dritt tal-espressjoni, anki meta din il-pożizzjoni ma kenitx popolari, u f’dan ukoll ingħatajna raġun mill-qrati.

Il-Partit Popolari llum qiegħed ifakkar ukoll il-167 sena mit-twelid ta’ Mons. Ignazio Panzavecchia, patrijott Malti li mexxa l-Partito Popolare matul il-biċċa l-kbira mill-eżistenza tiegħu, mill-1898 sal-1921. Fi żmien meta bosta politiċi Maltin kienu jħarsu barra minn xtutna għall-identità ta’ pajjiżna, Mons. Panzavecchia enfasizza l-patrijottiżmu Malti, u ħadem għall-kisba ta’ gvern responsabbli, ħolma li seħħet fl-1921. Il-Partito Popolare taħt Panzavecchia ġġieled ukoll biex iħares il-karattru Kattoliku tas-soċjetà Maltija, filwaqt li ppropona politika soċjali maħsuba biex issaħħaħ l-istess soċjetà u tħares lill-membri l-aktar vulnerabbli tagħha. Waqt l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919, Panzavecchia għamel ħiltu biex tiġi evitata kull vjolenza u biex il-poplu jkompli jiġġieled għad-drittijiet tiegħu b’mod paċifiku. Il-Partit Popolari jsellem lil Mons. Panzavecchia għal dawn il-kisbiet u huwa kburi li jħaddan l-istess prinċipji tat-tisħiħ tad-demokrazija, tal-ħarsien tal-kultura u tal-ħarsien tal-interessi tal-ħaddiema Maltin.

Follow by Email
Facebook
Twitter