Stqarrija 18-2023

19/09/2023

Il-Partit Popolari Jmexxi Protesta Pubblika kontra l-Ekonomija tal-Pagi Baxxi

Illum 19 ta’ Settembru 2023, il-Partit Popolari mexxa protesta pubblika kontra mudell ekonomiku li matul l-aħħar snin wassal għal tibdil kbir f’pajjiżna li laqat ħażin liċ-ċittadin b’mod ġenerali iżda l-aktar lill-ħaddiema u dawk ekonomikament vulnerabbli, filwaqt li wassal għal sfruttament għal ħaddiema barranin li nġabu f’pajjiżna.

Il-Partit Popolari jiddeplora l-fatt li l-pagi f’pajjiżna ilhom staġnati għal snin u ma laħħqux maż-żidiet fi prodotti u servizzi essenzjali, inkluż il-kera u l-prezz tal-proprjetà. Dan laqat l-aktar lil dawk li jaqilgħu l-inqas, fejn il-paga minima kemm kemm iċċaqilqet għal għaxar snin sħaħ u llum hija fost l-anqas fl-Ewropa, u fl-istess livelli bħal pajjiżi ex-komunisti.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-qagħda taż-żgħażagħ Maltin, li bosta minnhom illum mhumiex aktar f’qagħda li jaspiraw li jkollhom id-dar tagħhom, ħaġa li kienet aċċessibbli għall-ġenituri tagħhom. Dan ifisser li minkejja l-hekk-imsejjaħ progress li kellna f’pajjiżna, l-affarijiet konkretament marru għall-agħar, tant li l-ġenerazzjoni ta’ llum ma tistax taspira għal dak li gawdiet ta’ qabilha. Dan flimkien mat-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja li sofra kull Malti u kull resident minħabba l-iffullar u t-tnaqqir tal-ispazji miftuħa.

Il-Partit Popolari qiegħed mhux biss jipprotesta kontra l-mudell ekonomiku preżenti iżda qiegħed jipproponi mudell alternattiv, ibbażat mhux fuq attivitajiet u proġetti ekonomiċi li jkunu vijabbli biss jekk il-ħaddiema jitħallsu pagi baxxi ħafna, iżda attivitajiet ekonomiċi li jinvolvu li niġbdu l-kapital, l-għarfien u l-intraprenditorija lejn pajjiżna, filwaqt li nrawmu u ninkoraġġixxu dik li diġà tinsab fostna.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li minflok politika li tfittex it-tkabbir sempliċi tal-ekonomija akkost ta’ kollox, il-mira tal-politika ekonomika tal-pajjiż tkun iż-żieda fil-paga u fil-livell tal-għajxien tal-ħaddiem medju, u wkoll ta’ dawk li jaqilgħu l-anqas. Huwa ċar li l-għażliet politiċi li qed isiru bħalissa mhux qed ikollhom dan ir-riżultat u hemm bżonn li jinbidlu.

Matul il-protesta tkellmu, fost l-oħrajn, il-Kap tal-Partit Popolari Paul Salomone, id-Deputat Kap tal-partit Clint Calleja, il-President tal-partit Karmenu Borg, il-kandidat Frans Mallia, kif ukoll kelliema mistiedna Simon Mercieca u Edwin Vassallo.

Follow by Email
Facebook
Twitter