Stqarrija 18-2021

23/12/2021

Il-Partit Popolari jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-miżuri esaġerati u sproporzjonati mħabbra mill-Gvern aktar kmieni llum, li bihom persuni mhux vaċċinati jew li ma ħadux id-doża “booster” se jitwaqqfu milli jżuru postiijiet ta’ divertiment u sportivi.

Huwa ċar li dawn il-miżuri huma mod kif il-vaċċin jiġi impost fuq iċ-ċittadini li għamlu l-għażla personali li ma jiħdux il-vaċċin, li għadu wieħed ġdid u tista’ tgħid esperimentali.

Filwaqt li l-Partit Popolari mhuwiex f’qagħda li jagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-effikaċja tal-vaċċini, jidher ċar li f’popolazzjoni fejn diġà huma vaċċinati 90% u aktar, dawn il-miżuri ħorox u aggressivi ma jistax ikollhom effett sinifikanti. L-istess jista’ jingħad dwar il-vaċċinazzjoni tat-tfal, fejn l-istatistika turi ċar li r-riskju għas-saħħa diġà huwa żgħir.

Sadanittant, il-Partit Popolari jistieden lill-Gvern biex jagħti ħarsa mill-ġdid lejn miżuri eżistenti, bħall-obbligu li wieħed jilbes maskra wkoll meta jkun fil-miftuħ u waħdu. In-numri ta’ każijiet ġodda li qed naraw jiżdiedu kuljum juru ċar li dawn il-miżuri qed ikollhom effett negliġibbli. L-ewwel pass biex tinstab politika bilanċjata u effettiva fir-rigward tal-pandemija huwa li miżuri li l-awtoritajiet jirrikonoxxu meta miżura tkun falliet, u jwarrbuha minnufih.

Nistiednu wkoll lill-awtoritajiet biex jirrikunsidraw il-projbizzjoni fuq festi reliġjużi. Ninnutaw li, matul il-pandemija, l-awtoritajiet ħafna drabi ma użawx l-istess kejl fejn kienu kkonċernati attivitajiet ferm aktar ta’ riskju, imma li kellhom element kummerċjali akbar.

Il-Partit Popolari fl-aħħar nett jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jibdew jagħtu l-kunsiderazzjoni xierqa lil-libertà meta jieħdu deċiżjonijiet dwar il-pandemija, filwaqt li juru rispett akbar lejn l-intelliġenza tal-pubbliku.

Follow by Email
Facebook
Twitter