15/05/2024
Il-Partit Popolari Jfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Familja
Flimkien ma’ dawk kollha li jemmnu fil-familja madwar id-dinja, il-Partit Popolari llum qiegħed ifakkar il-Jum Internazzjonali tal-Familja u qiegħed jippreżenta l-proposti tiegħu għat-tisħiħ tal-appoġġ għaliha.
Il-Partit Popolari jinnota l-qagħda mwiegħra li tinsab fiha l-familja f’Malta, kemm fejn tidħol il-formazzjoni ta’ familji ġodda, li qiegħda tonqos b’rata mgħaġġla minn sena għall-oħra, kif ukoll fejn tidħol ir-rata ta’ twelid ta’ tfal, li hija l-iżgħar waħda fl-Ewropa u biss nofs dik meħtieġa biex ikollna popolazzjoni stabbli. Jinnota wkoll id-deterjorament f’fatturi materjali ta’ importanza essenzjali bħal-livell ta’ dħul tal-ġenituri u l-possibiltà li familja tkun tista’ tkun sid ta’ darha. Il-Partit Popolari jfakkar li kien biess ġenerazzjoni jew tnejn ilu li f’pajjiżna l-familji stabbli u sikuri ekonomikament, b’żewġt itfal jew aktar, li kapaċi jakkwistaw id-dar tagħhom u li ħafna drabi kien jirnexxielhom jagħmlu dan kollu b’paga waħda, kienu n-norma f’pajjiżna u mhux l-eċċezzjoni bħalma huma llum.
Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi sensiela ta’ miżuri għall-appoġġ tal-familja li jinkludu t-tnaqqis jew eliminazzjoni tat-taxxa tad-dħul għall-ommijiet abbażi tan-numru ta’ wlied u għajnuna sostanzjali għall-familji bit-tfal biex jixtru d-dar tagħhom, paga minima lill-ommijiet li jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal u appoġġ lil dawn l-ommijiet biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew il-karrieri tagħhom b’suċċess. Qiegħed jipproponi wkoll appoġġ finanzjarju ferm akbar għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom fi ħdan il-familja.
Għall-kuntrarju tal-partiti l-oħra, il-Partit Popolari impenja ruħu sa mill-bidu biex ineħħi l-inġustizzji li jeżistu fil-liġi Maltija fil-preżent fil-konfront tal-ġenituri f’każijiet ta’ separazzjoni, ukoll sabiex dan ma jkomplix iservi ta’ diżinċentiv biex persuni jiffurmaw familja. Għalhekk jappoġġa l-kunċett ta’ equal parenting, u l-għoti ta’ drittijiet ugwali liż-żewġ ġenituri.
Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li jagħti lura lill-ġenituri l-kontroll fuq l-edukazzjoni ta’ wliedhom, l-ewwelnett billi jagħmel il-homeschooling għażla realistika, u wkoll billi jintroduċi sistema ta’ vouchers għall-edukazzjoni, biex il-ġenituri jkollhom libertà akbar fl-għażla tal-iskola ta’ wliedhom.
Il-Partit Popolari jemmen li miżuri li jappoġġjaw il-familja huma miżuri li jappoġġjaw lis-soċjetà nnifisha billi pajjiż mingħajr il-familja huwa pajjiż mingħajr futur.