16/09/2023
Il-Partit Popolari Jħabbar Protesta kontra l-Ekonomija tal-Pagi Baxxi u Jippreżenta l-Proposti Tiegħu għall-Baġit għall-2024
Il-Partit Popolari jemmen li l-mudell ekonomiku li għandna bħalissa, ibbażat fuq il-pagi baxxi u li jinjora l-familja, huwa wieħed li wassal għal tkabbir ekonomiku għal ftit żmien iżda bi prezz soċjali u ambjentali għoli u insostenibbli. Illum qed nifhmu li dan il-mudell kien biss sqaq li se jkollna noħorġu lura minnu, biex nibdew it-triq li twassalna għal tkabbir ekonomiku fit-tul li huwa tassew adattat għal pajjiżna.
Il-poplu tagħna jinsab iffaċċjat b’bosta konsegwenzi negattivi ta’ dan il-mudell ekonomiku tal-pagi baxxi, fosthom iffullar, bini eżaġerat li kerrah l-irħula tagħna, kirjiet u prezzijiet tal-proprjetà li mhumiex aktar affordabbli, strapazz fuq l-infrastruttura u s-servizzi, inklużi l-enerġija u s-saħħa, traffiku, problemi tas-sigurtà u fuq kollox staġnar fil-pagi għal snin twal. Dan kollu wassal ukoll biex sar impossibbli għaż-żgħażagħ tagħna li jwaqqfu familji, u dan se jkollu konsegwenzi ferm aktar serji għall-pajjiż aktar ’il quddiem.
Għalhekk, il-Partit Popolari qiegħed isejjaħ biex iċ-ċittadini jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ din il-politika ekonomika fi protesta li se ssir it-Tlieta 19 ta’ Settembru 2023 fis-18.30 fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt.
Il-Partit Popolari qiegħed jagħmel ukoll dawn il-proposti konkreti għall-Baġit għall-2024, li joffru alternattiva realistika għall-mudell ekonomiku preżenti:
– Sabiex il-pajjiż jibda jitbiegħed mill-mudell taċ-cheap labour, qegħdin nipproponu li l-paga minima tiżdied immedjatament b’7% + ir-rata tal-inflazzjoni. Dan bil-għan li jinbeda proċess sabiex din tirdoppja f’termini reali fuq perjodu ta’ għaxar snin, biex b’hekk il-mudell ekonomiku taċ-cheap labour jinġieb fi tmiem b’mod gradwali u ordnat u mingħajr taqlib ekonomiku żejjed.
– Qegħdin nipproponu wkoll infurzar aktar rigoruż u serju tal-liġijiet eżistenti biex jinqata’ x-xogħol bla ktieb u bi ħlas taħt il-paga minima, kemm f’dak li jirrigwarda ħaddiema barranin kif ukoll f’dak li jirrigwarda ħaddiema Maltin. Nipproponu wkoll li ssir sorveljanza ferm aktar stretta tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema reklutati minn barra, biex jieqaf l-abbuż minnhom min-naħa tal-employers u tal-aġenziji li jġibuhom f’pajjiżna.
– Qegħdin nipproponu l-iffriżar immedjat tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea minbarra dawk li jaħdmu f’setturi essenzjali bħall-kura tas-saħħa u tal-anzjani u numru żgħir ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni. Fl-istess waqt qegħdin nipproponu li l-permessi ta’ xogħol eżistenti wkoll jitnaqqsu gradwalment minn sena għall-oħra, biex in-numru ta’ ħaddiema barranin jonqos gradwalment mil-livell eżaġerat li laħaq bħalissa.
– Nipproponu l-introduzzjoni ta’ skema fejn familji bit-tfal jingħataw għajnuna finanzjarja biex jixtru jew jikru proprjetajiet li jkunu aktar addattati għall-bżonnijiet tagħhom, fuq il-mudell tal-iskema ta’ għajnuna għall-familji li qiegħda tiġi implimentata fl-Ungerija. B’hekk ninvestu l-baġit soċjali mhux fuq il-kura ta’ problemi soċjali iżda fuq il-prevenzjoni permezz tat-tisħiħ tal-familja.
– Sabiex il-pajjiż jibda t-triq tiegħu lejn ekonomija bbażata fuq il-produzzjoni, huwa meħtieġ li jibda t-tnaqqis tar-rata massima tat-taxxa, li tapplika għall-individwi, għall-impriżi u għall-imprendituri. Għalhekk, bħala l-ewwel pass, qegħdin nipproponu tnaqqis immedjat ta’ punt perċentwali fl-ogħla rata tat-taxxa fuq l-introjtu minn 35% għal 34% u li dan ikompli fis-snin li ġejjin sakemm din ir-rata ssir waħda kompetittiva meta mqabbla ma’ dik ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa.
– Biex tissaħħaħ il-ġustizzja ekonomika u tieqaf l-esklużjoni finanzjarja f’Malta, qegħdin nipproponu li l-banek ma jitħallewx aktar jirrifjutaw arbitrarjament li jiftħu kontijiet tal-bank b’servizz bażiku lil individwi jew entitajiet ibbażati f’Malta, għajr fejn ikun hemm suspetti fondati ta’ attivitajiet illeċiti. Qegħdin nipproponu li d-dritt għas-servizzi bankarji bażiċi għandu jiġi protett bħala dritt fundamentali, inkluż għal entitajiet u impriżi.
– Billi l-futur ekonomiku ta’ pajjiżna jiddependi fuq it-trawwim tal-ispirtu tal-imprenditorija fost iż-żgħażagħ tagħna, nipproponu li jingħata ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul kollu min-negozju ta’ imprendituri sal-età ta’ 35 sena, jekk ikunu qegħdin jimpjegaw għallinqas ħaddiem wieħed fuq bażi full time.
– Niġbdu wkoll l-attenzjoni għall-qagħda mwegħra li tinsab fiha s-sistema tal-pensjonijiet f’Malta. Dan mhux biss minħabba li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ minħabba li huwa ekonomikament diffiċli għall-familji li jkollhom it-tfal, iżda wkoll għaliex il-gvernijiet stess qatt ma ħasbu biex joħolqu fond adegwat biex minnu jitħallsu l-pensjonijiet, u minflok berbqu l-bolol tal-Maltin fuq infiq biex jixtru l-popolarità u l-voti. Nipproponu li fond bħal dan jinħoloq b’mod immedjat, bi qbil minn fost il-partiti u l-forzi politiċi kollha li dan ma jintmissx għal infiq li m’għandux x’jaqsam mal-pensjonijiet.