Stqarrija 16-2024

07/05/2024

Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Impenji Tiegħu għall-Elezzjonijiet Lokali 2024

Il-Partit Popolari llum qiegħed jippreżenta l-impenji tiegħu għall-Kunsilli Lokali, li huma applikabbli għall-Kunsilli kollha. Flimkien ma’ dawn, matul il-kampanja elettorali se jkun qiegħed ukoll jippreżenta l-proposti speċifiċi għall-erba’ lokalitajiet li fihom se jkun qiegħed jikkontesta.

Il-Partit Popolari jemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom setgħa morali li tmur lil hinn mis-setgħat limitati ħafna li tagħtihom il-liġi Maltija. Dawn urewh kull meta kienu mmexxija minn sindki u kunsilliera li m’aċċettawx li jieħdu l-ordnijiet mingħand il-partiti u għażlu li jitkellmu b’kuraġġ f’isem iċ-ċittadini tal-lokalità. Eżempji ta’ dan rajnihom fil-Gżira u f’Santa Luċija, fejn fl-aħħar mill-aħħar il-gvern ċentrali ċeda quddiem l-oppożizzjoni li sab mingħandhom għal proġetti ta’ żvilupp li kienu se jagħmlu ħsara lil-lokalità.

Il-Partit Popolari jemmen li wasal iż-żmien ukoll li l-Kunsilli jwettqu rwol ta’ rappreżentanti tal-interessi taċ-ċittadini fejn il-gvern ċentrali jonqos milli jieħu l-azzjoni neċessarja biex jinforza l-liġi. Eżempju ta’ dan hija s-sitwazzjoni ta’ abbuż minn min jikri postijiet mhux addattati u liċenzjati lil ħaddiema barranin, jew min jikri appartamenti lil numru kbir ta’ persuni, fi ksur tal-liġi. Ladarba l-gvern ċentrali joqgħod lura milli jieħu l-azzjoni neċessarja, il-Kunsill għandu jorganizza lir-residenti biex jara li din l-informazzjoni tinġabar u tasal għand l-awtoritajiet u li dawn ikunu kostretti jieħdu azzjoni dwarha.

Qegħdin nimpenjaw ruħna wkoll favur aktar demokrazija u trasparenza fil-Kunsilli, li ħafna minnhom mhux biss ftit li xejn jikkonsultaw lir-residenti iżda lanqas biss jipprovdu rendikont xieraq u aċċessibbli għall-pubbliku tal-attività tagħhom.

Il-Partit Popolari qiegħed jimpenja ruħu wkoll li jaħdem favur il-mobilità alternattiva fil-lokalitajiet, biex ikun possibbli għar-residenti li jużaw rotot sikuri bir-rota, scooters eċċ kemm fiċ-ċentri tal-lokalitajiet, kif ukoll biex jaċċessaw toroq tal-kampanja. Il-prattika preżenti li jsiru rotot għar-roti li jintemmu ħesrem u ma jwasslu għal imkien hija biss ħela ta’ flus. Fl-istess ħin, huwa importanti li min juża l-karozza ma jiġix penalizzat u li fejn hu prattikabbli jinħolqu parkeġġi magħluqa qrib iċ-ċentru f’lokalitajiet ta’ aktar minn 20,000 abitant, kif inhi l-prattika f’ħafna mill-Ewropa.

Fuq kollox, il-Partit Popolari qiegħed jimpenja ruħu li jwettaq il-ħidma tiegħu fil-Kunsilli mingħajr il-kunflitti ta’ interess ovvji li għandhom il-partiti l-kbar, li jaċċettaw ammonti kbar ta’ flus mingħand żviluppaturi u negozjanti. Il-Partit Popolari jista’ jwiegħed li l-ħidma tiegħu se tkun biss fl-interess taċ-ċittadin.

Follow by Email
Facebook
Twitter