Stqarrija 16-2023

08/09/2023

Il-Partit Popolari jsellem lil Malta f’Jum il-Vitorja

Il-Partit Popolari llum jingħaqad mal-Maltin kollha f’Malta u madwar id-dinja fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa nazzjonali ewlenija ta’ pajjiżna, u jsellem b’mod partikolari lill-komunitajiet Maltin madwar id-dinja li għadhom jiċċelebraw dan il-jum bħala l-jum nazzjonali li jgħaqqad il-Maltin kollha, bħal ma kien f’Malta stess qabel ma l-partiti politiċi ppruvaw idaħħlu minfloku festi assoċjati magħhom.

Il-Partit Popolari jsellem is-sagrifiċċju ta’ dawk l-eluf ta’ Maltin li tilfu ħajjithom matul l-aktar mument importanti u deċiżiv tal-istorja ta’ pajjiżna. Fi żmien meta l-popolazzjoni ta’ pajjiżna kienet biss ta’ ftit eluf, dan is-sagrifiċċju nazzjonali kien ifisser ukoll li tista’ tgħid kull familja ntlaqtet bit-telf tal-għeżież tagħha.

Il-Partit Popolari jispira ruħu minn dan l-ispirtu ta’ servizz u saħansitra sagrifiċċju għall-komunità kollha, u jistieden lill-ġenerazzjonijiet ta’ llum biex huma wkoll jistaqsu aktar x’jistgħu jagħtu lil pajjiżhom, u mhux x’jistgħu jieħdu minnu.

Il-Partit Popolari jirrikonoxxi li bis-sagrifiċċju tiegħu fl-1565, il-poplu Malti kiseb postu bi dritt fid-dinja Nisranija u tal-Punent li għadu jifforma parti minnha u li hi u għandha tibqa’ parti integrali mill-identità tiegħu. Nemmnu li poplu li jdawwar daru lejn l-identità kulturali u storika tiegħu huwa wieħed li ma jistax iħares lejn il-futur b’sens ta’ direzzjoni.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li l-Istat Malti, mhux l-anqas permezz ta-sistema edukattiva, mill-ġdid jerġa’ jibda jrawwem il-kuxjenza fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda dwar liema storja u kultura jappartjeni għaliha l-poplu tagħna. Huwa importanti li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkunu konxji li l-hekk imsejħa valuri Ewropej li nħaddnu u ngawdu llum għandhom l-għeruq tagħhom f’kultura partikolari, li hija tagħna u li għażilnieha sekli ilu.

Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li, filwaqt li jkompli jingħata l-ġieħ xieraq lill-festi nazzjonali l-oħra, it-8 ta’ Settembru terġa’ tingħata l-istatus speċjali tagħha bħala l-jum nazzjonali. Dan billi dan il-jum huwa tal-Maltin kollha, u mhux ta’ xi parti politika waħda.

Follow by Email
Facebook
Twitter