04/05/2024
Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Kandidati Tiegħu għall-Elezzjonijiet Lokali 2024
Il-Partit Popolari huwa kburi li qiegħed jippreżenta l-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet lokali tal-2024, li se jkunu qegħdin jikkontestaw l-elezzjonijiet fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Ħamrun, il-Mellieħa u Ħaż-Żebbuġ.
Il-Partit Popolari qiegħed jikkontesta dawn l-elezzjonijiet bl-għajta “leali biss lejk!”, li tirrappreżenta l-viżjoni tal-Partit Popolari għal politika lokali ħielsa mill-kunflitti ta’ interess li bħalissa jiddominawha.
Il-kunsilli ddominati minn xi wieħed mill-partiti l-kbar mhumiex ħielsa biex jiddefendu l-interessi taċ-ċittadini fil-lokalità għaliex jiġu soġġetti għal pressjoni mill-partiti li jiffurmaw parti minnhom, li huma stess għandhom obbligazzjonijiet lejn l-iżviluppaturi u negozjanti oħra. Rajna bosta każijiet matul l-aħħar ħames snin fejn sindki u kunsilliera kellhom jagħżlu bejn li jibqgħu siekta quddiem proposti ta’ żvilupp mhux xieraq jew jirribellaw kontra l-partit tagħhom u saħansitra jitilqu minnu. Il-Partit Popolari, għall-kuntrarju tal-partiti l-kbar, huwa ħieles mill-kunflitti ta’ interess, billi huwa ffinanzjat biss mill-ħlas tas-sħubija tal-membri tiegħu u minn donazzjonijiet żgħar minn membri tal-pubbliku. Minbarra dan, huwa jemmen fil-prinċipju fundamentali li l-kunsilliera tiegħu jafu l-lealtà tagħhom biss lejn iċ-ċittadini tal-lokalità, b’rispett ukoll għall-prinċipji fundamentali tal-partit u l-programm elettorali tiegħu.
Il-Partit Popolari qiegħed isejjaħ lill-elettorat biex f’dawn l-elezzjonijiet lokali li ġejjin jappoġġja kandidati indipendenti u tal-partiti ż-żgħar biex ikun rappreżentat minn persuni li l-lealtà tagħhom hija biss lejn sħabhom iċ-ċittadini tal-lokalità.
Il-Partit Popolari huwa l-partit li għandu l-iktar proposti radikali fejn tidħol l-awtonomija lokali u reġjonali, fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li deċiżjonijiet qatt ma jittieħdu f’livell iktar għoli jew imbiegħed miċ-ċittadin milli hu neċessarju. Fil-programm elettorali tiegħu tal-2022, il-Partit Popolari ppropona li bosta setgħat tal-gvern ċentrali li m’għandhomx strettament għalfejn jiġu eżerċitati fil-livell nazzjonali, jgħaddu minflok f’idejn il-kunsilli reġjonali, tant li dan isir il-livell ta’ gvern ewlieni f’pajjiżna, filwaqt li l-kunsilli lokali jingħataw is-setgħat kollha relevanti għal-lokalità tagħhom, u mhux l-anqas is-setgħa tal-veto fuq kull żvilupp importanti fil-lokalità.